Sunday, July 26, 2026
Home Sport Logħob tal-Commonwealth: Il-ġinnasta Philippa Busuttil tikkwalifika għall-finali tal-All-Around

Logħob tal-Commonwealth: Il-ġinnasta Philippa Busuttil tikkwalifika għall-finali tal-All-Around

0
2
GLASGOW, SCOTLAND - JULY 25: Philippa Busuttil of Team Malta competes in Floor Exercise during the Women's Team Final and Individual Qualification on day two of the Glasgow 2026 Commonwealth Games at The Arena on July 25, 2026 in Glasgow, Scotland. (Photo by Naomi Baker/Getty Images)

Fit-tieni jum tal-Logħob tal-Commonwealth ta’ Glasgow, it-Tim Malta kkompeta fil-Ġinnastika Artistika u fil-Lawn Bowls.

Fil-Ġinnastika Artistika, it-Tim Malta, magħmul minn Philippa Busuttil, Lyana Curmi Inguanez u Sophie St John, ħa sehem fil-kompetizzjonijiet ta’ kwalifikazzjoni tal-All-Around u tal-apparati individwali.

It-tliet ġinnasti Maltin taw prestazzjoni kollettiva pożittiva fis-Subdivision 1 tal-finali tat-timijiet tal-ġinnastika artistika tan-nisa u l-kwalifikazzjonijiet individwali fil-Logħob tal-Commonwealth tal-2026 fi Glasgow, fejn Malta kisbet total ta’ 130.750 punt.

Philippa Busuttil kellha l-aktar ġurnata konsistenti fost it-tliet ġinnasti, hekk kif ikklassifikat fit-tieni post b’45.900 punt. Hija tat l-aqwa wirja tagħha fuq il-balance beam, fejn ir-rutina kunfidenti u mexxejja tagħha kisbet l-ogħla punteġġ fuq dan l-apparat fost il-ġinnasti kollha fil-grupp, u b’hekk ikkwalifikat għar-rawnd finali.

Sophie St John uriet kwalità kbira tul il-kompetizzjoni kollha. Il-qabża tagħha kienet fost l-aktar impressjonanti tas-sessjoni, filwaqt li r-rutina tagħha fuq il-balance beam inkludiet sekwenza mill-isbaħ li qanqlet reazzjoni tajba. Hi spiċċat il-kompetizzjoni b’44.550 punt, iżda l-klassi tagħha kienet evidenti.

Lyana Curmi Inguanez kisbet 40.300 punti u kellha ġurnata mimlija tragwardi personali. Għall-ewwel darba rnexxielha twettaq element fil-qabża fuq xena internazzjonali, u s-soddisfazzjon tagħha wara l-eżekuzzjoni kien evidenti għal kulħadd. L-ispirtu tagħha tul il-kompetizzjoni kien wieħed mill-aktar aspetti pożittivi tas-sessjoni.

Malta temmet fit-tmien post, quddiem l-Indja, in-Namibja, il-Malasja u New Zealand.

Lawn Bowls

Il-koppja Maltija tal-aħwa, Connie u Rebecca Rixon, tilfet 2-0 kontra l-Ingliżi Amy Pharaoh u Sian Honnor fit-tielet rawnd. Il-koppja Ingliża rebħet l-ewwel set 3-2, qabel ma fetħet vantaġġ ikbar u rebħet it-tieni set 8-2.

L-ewwel set kien wieħed tassew bilanċjat, fejn Malta kienet 2-0 minn fuq f’nofs il-logħba, qabel ma l-Ingliżi sabu r-ritmu tagħhom lejn it-tmiem u rebħu s-set fl-aħħar end. It-tieni set kien aktar fuq naħa waħda, bl-Ingilterra tibni vantaġġ bikri u ma ħallitx lil Malta terġa’ tidħol fil-konfront.

Malta kienet f’pożizzjoni li tirbaħ l-end f’diversi okkażjonijiet, iżda l-iskip Ingliża rnexxielha ddawwar l-end favur it-tim tagħha. Il-mument deċiżiv wasal fit-tielet end tat-tieni set. Malta kienet qed iżżomm żewġ shots meta Honnor tat vantaġġ ta’ erba’ shots lill-Ingilterra. B’żewġ ends biss fadal, Malta kellha wisq distakk x’tirkupra.

Wara nofsinhar, Shaun Parnis ta prestazzjoni mill-aqwa biex għeleb lill-Kanadiż Ryan Bester, wieħed mill-aktar plejers ta’kalibru għolja fl-istorja ta’ dan l-isport. Hu rebaħ b’żewġ sets konsekuttivi, 8-5 u 7-4.

Nhar il-Ħadd, il-lawn bowls se jkun l-ewwel sport li jirritorna għall-kompetizzjoni. Filgħodu, l-aħwa Rixon se jikkompetu fir-raba’ rawnd tas-Sezzjoni B tal-Women’s Pairs kontra Tonga, segwita minn logħba kontra l-Afrika t’Isfel wara nofsinhar. Fl-istess sessjoni ta’ wara nofsinhar, Shaun Parnis se jaffronta lill-Indjan Putul Sonowal.

Filgħaxija, il-ġinnasta Philippa Busuttil se tikkompeti fil-finali tal-All-Around tan-nisa fis-18:00, ħin lokali.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here