Il-Budget tal-Unjoni Ewropea jrid iħares l-interessi tal-Maltin u l-Għawdxin biex jibqa’ jinħoloq aktar ġid

– Il-Prim Ministru Robert Abela waqt il-Kunsill Ewropew

Aqra wkoll

Fi Brussell il-Prim Ministru Robert Abela attenda għal Summit ta’ jumejn li matulhom il-Mexxejja Ewropej iddiskutew il-Budget fit-tul tal-Unjoni Ewropea għall-2028-2034, il-kompetittività Ewropea inkluż il-prezzijiet tal-enerġija, is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani u fl-Ukrajna, il-migrazzjoni u t-tkabbir tal-Unjoni.

Il-Prim Ministru Robert Abela beda b’laqgħa ma’ 17-il  Stat Membru li jqisu l-politika ta’ koeżjoni bħala prijorità. Matul il-laqgħa l-Istati Membri qablu li fil-Kunsill jenfasizzaw il-ħtieġa ta’ budget tal-Unjoni Ewropea li jkun ambizzjuż, bilanċjat u ġust sabiex iħares l-interessi taċ-ċittadini.

Fil-Kunsill, Dr Abela sostna li l-pakkett iddedikat għall-politika ta’ koeżjoni għandu jkun wieħed b’saħħtu u li jippermetti lill-Istati Membri kollha, minkejja d-daqs u r-realtajiet speċifiċi tagħhom, li jibqgħu jipprogressaw ’il quddiem. Huwa tenna li l-politika ta’ koeżjoni tibqa’ għodda importanti għall-kompetittività globali tal-Unjoni Ewropea. Saħaq ukoll li Malta hija kontra l-introduzzjoni ta’ taxxi ġodda tal-UE. Fir-rigward tal-qasam agrikolu sostna li hemm bżonn soluzzjoni konkreta li tirrifletti r-realtajiet tas-settur. “Il-Budget tal-Unjoni Ewropea għandu jibqa’ jħares l-interessi taċ-ċittadini tagħna sabiex jibqa’ jinħoloq aktar ġid,” tenna Dr Abela.

Fid-diskussjoni dwar l-enerġija u l-kompetittività, il-Prim Ministru enfasizza r-realtà partikolari ta’ Malta bħala pajjiż gżira li, minbarra l-isfida tal-prezzijiet internazzjonali tal-enerġija, tiffaċċja wkoll nuqqas ta’ interkonnessjoni tal-gass u dipendenza fuq provvista regolari minn barra. Saħaq li filwaqt li Malta tibqa’ impenjata lejn il-miri klimatiċi, teħtieġ il-flessibbiltà biex tkompli tappoġġja lill-familji u lin-negozji. Sostna wkoll il-ħtieġa li jitneħħew l-ostakli għas-suq waħdieni, jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi fuq in-negozji, speċjalment dawk żgħar u medji, u tkompli tissaħħaħ il-kompetittività tal-industrija Ewropea.

Fir-rigward tal-Lvant Nofsani, il-Prim Ministru saħaq fuq il-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea taħdem mill-qrib mas-sħab internazzjonali biex jiġi assigurat aċċess umanitarju, rispett għad-dritt internazzjonali u impenn favur soluzzjoni b’żewġ stati, filwaqt li jkomplu l-isforzi biex jitnaqqsu t-tensjonijiet u tissaħħaħ l-istabbiltà fir-reġjun.

Dr Abela saħaq ukoll li s-sigurtà marittima hija kruċjali għall-ekonomija u l-konnettività Ewropea, minħabba l-impatt tagħha fuq il-prezzijiet tal-enerġija, il-ktajjen tal-provvista u s-sigurtà tal-ikel. Għalhekk appella għal kooperazzjoni aktar mill-qrib mas-sħab reġjonali biex jiġu mħarsa r-rotot marittimi biex ikunu protetti kemm il-konsumaturi kif ukoll il-kompetittività Ewropea.

Il-Prim Ministru esprima wkoll tħassib dwar l-attakki kontinwi tar-Russja fuq nies ċivili u l-infrastruttura kritika u kkundanna wkoll l-attakki riċenti fuq bastimenti li jtajru l-bandiera Maltija, b’mod partikolari fil-Baħar l-Iswed, u enfasizza li l-bastimenti kummerċjali u l-ekwipaġġi ċivili m’għandhom fl-ebda ċirkostanza jkunu fil-mira ta’ dan il-kunflitt.

Fuq il-migrazzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq fuq il-ħtieġa li l-Patt il-ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil jiġi implimentat b’mod effettiv. Huwa laqa’ l-proposta għal Qafas Ewropew ta’ Rispons f’Emerġenzi li jqis l-isfidi tal-fruntieri marittimi u appella għal azzjoni aktar b’saħħitha kontra n-networks tal-faċilitazzjoni tal-migrazzjoni irregolari. Dr Abela enfasizza l-importanza ta’ kooperazzjoni aktar mill-qrib ma’ pajjiżi terzi sabiex jiżdiedu r-ritorni effettivi u jitnaqqsu l-wasliet irregolari. Fil-bidu tat-tieni jum, il-Prim Ministru pparteċipa wkoll f’laqgħa ta’ koordinament fuq it-tema tal-migrazzjoni fejn ġiet diskussa kooperazzjoni aktar mill-qrib dwar soluzzjonijiet għal sfidi komuni, fil-preżenza tal-Kummissjoni.

Il-mexxejja ddiskutew ukoll it-tkabbir tal-Unjoni Ewropea u l-progress tal-membri prospettivi. Il-Prim Ministru sostna li l-proċess ta’ adeżjoni għandu jkun ibbażat fuq il-mertu u għaldaqstant kull pajjiż kandidat għandu javvanza fin-negozjati tal-adeżjoni abbażi tal-progress individwali li jkun għamel. Il-Kunsill laqa’ l-ħidma li għaddejja fuq l-abbozzar tat-Trattat ta’ Adeżjoni tal-Montenegro u ħa nota wkoll tax-xogħol preparatorju li jrid isir biex l-Unjoni Ewropea tkun lesta għal tkabbir eventwali.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport