F’Malta, is-Salarji Bażiċi Żdiedu b’4.4%

Rapport ta’ misco juri kif min iħaddem qed ikompli jersaq lejn strutturi tal-pagi aktar organizzati

Aqra wkoll

Skond l-aħħar misco Salaries & Benefits Report 2026/2027  li għadu kemm kien ippubblikat minn misco, is-salarji bażiċi f’Malta żdiedu b’medja ta’ 4.4% matul din l-aħħar sena. Ir-rapport fil-fatt juri kif min iħaddem qed ikompli jadatta għan-nuqqas ta’ ħaddiema b’ħiliet speċjalizzati, għall-aspettattivi tal-impjegati u għall-kompetizzjoni li qed tkompli tiżdied fis-suq tax-xogħol.

Ir-rapport, li jkopri 133 rwol fi ħdan 12-il taqsima, juri wkoll kif organizzazzjonijiet qed jadottaw approċċi aktar strutturati fir-rigward tal-kumpens. Juri wkoll kif bħalissa, 71% ta’ min iħaddem juża l-paragun mas-suq biex jistabbilixxi l-firxiet tas-salarji, filwaqt li żewġ terzi, diġa għandhom struttura aktar formali ta’ kif ifasslu l-kumpens.

Dan qed iseħħ hekk kif l-organizzazzjonijiet qed iħejju ruħhom għall-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-UE dwar it-Trasparenza fil-Pagi. Għalkemm il-livell ta’ tħejjija fost min iħaddem tjieb, għad hemm tħassib dwar l-ispejjeż potenzjali u l-implikazzjonijiet amministrattivi.

“Id-diskussjonijiet dwar is-salarji qed isiru aktar strutturati fi ħdan il-kumpaniji. Dan ifisser li min iħaddem jeħtieġ jibqa’ kompetittiv, u li fl-istess ħin, jifhem kif l-istrutturi tal-paga tiegħu jitqabblu ma’ dawk fis-suq u li hu importanti li jkun hemm raġunament ċar u razzjonali dwar id-deċiżjonijiet li jieħu,” qalet Joanne Bondin minn misco.

Ir-rapport sab li ż-żidiet fis-salarji varjaw konsiderevolment minn professjoni għal oħra, u dan jirrifletti d-differenzi fid-domanda għall-ħiliet u l-pressjonijiet kompetittivi li qed jiffaċċjaw is-setturi individwali.

Joanne Bondin spjegat li l-isfida għal min iħaddem hija li jsib bilanċ bejn il-kompetittività fis-suq u s-sostenibbiltà fit-tul.

“L-organizzazzjonijiet ma jistgħux sempliċiment jirreaġixxu għal kull pressjoni fuq is-salarji każ b’każ,” qalet. “Jekk min iħaddem, ikollu struttura ta’ kumpens imfassla sew, din tagħtihom qafas tajjeb biex jieħu ċerti deċiżjonijiet konsistenti u sostenibbli, filwaqt li jibqgħu kapaċi jirreaġixxu għall-iżviluppi fis-suq tax-xogħol.”

Ir-rapport jeżamina wkoll il-benefiċċji u r-remunerazzjoni totali, u b’hekk jipprovdi lill-organizzazzjonijiet b’perspettiva aktar komprensiva dwar ix-xenarju tal-kumpens li qed jevolvi f’Malta.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport