Il-coach nazzjonali tal-Ukrajna, Oleksandr Petrakov, ġie mmultat u mwissi mill-UEFA talli ddiskrimina kontra r-Russja wara li esprima r-rieda li kien lest jiġġieled kontra r-Russja ta’ Vladimir Putin li nvadew il-pajjiż tiegħu.
Petrakov, ta’ 65 sena, qal dan waqt intervista ma’ ġurnal Ingliż fejn sostna li “jekk jiġu fi Kiev, se niġbor arma u niddefendi lill-belti,” u żied li “Naħseb li nista’ nneħħi żewġ jew tliet għedewwa.”
Dan wassal biex l-FA Russa tikteb lill-UEFA u takkuża lil Petrakov li ddiskrimina kontra pajjiżhom u li naqas milli jibqa’ politikament newtrali, u talbet biex jiġi sospiż.
Iżda f’post fuq Facebook, il-kap tal-FA Ukrena, Andrii Pavelko, kiteb li l-UEFA sempliċement wissiet lil Petrakov u weħel multa żgħira, li l-federazzjoni ħallset f’ismu.