Thursday, April 25, 2024

“Il-Covid laqatna ħażin ħafna hekk kif l-industrija fl-Awstralja hi prattikament wieqfa”

Aqra wkoll

Shouse hu duo ta’ deejays Awstraljan magħmul minn Jack Madin u Ed Service. Ilhom attivi għal dawn l-aħħar seba’ snin u sena wara l-oħra komplew jevolvu dejjem aktar fil-karriera tagħhom. L-iktar diska li għamlitilhom suċċess kienet Love Tonight li ħarġet fis-sena 2017 u li telgħet fil-quċċata tal-aqwa klassifiċi madwar id-dinja. Riċentement din l-istess diska reġgħet ġiet popolari grazzi għall-applikazzjoni Tik Tok b’ħafna nies jagħżlu din id-diska sabiex juru t-talenti tagħhom fiż-żfin u l-kant.  

Kien fl-2011 li Ed Service, li oriġinarjament hu minn New Zealand, iċċaqlaq għal Melbourne fl-Awstralja. Waqt li darba minnhom kien ġo ħanut tax-xorb, iltaqa’ ma’ Jack Madin u f’kemm ili ngħidlek qablu sew flimkien. Kien hemm li ddeċidew li jiffurmaw grupp imsemmi Shouse.  

Kellhom jgħaddu erba’ snin sabiex Ed u Jack joħorġu fid-deher u jittantaw xortihom fil-qasam tal-mużika elettronika. Għalhekk iltaqgħu fil-belt ta’ Brunswick flimkien ma’ produttur lokali sabiex jiddiskutu x’materjal jistgħu jaħdmu miegħu u b’hekk jippruvaw jiksbu l-ewwel suċċess tagħhom.  

F’sentejn id-duo qatt ma ħares lura u pproduċa diski li għamlu suċċess kbir fosthom Whisper, Support Structure, Without You u Text Apology.  

Id-data tal-14 ta’ Diċembru 2017 tiġi mfakkra bħala waħda memorabbli għal Ed u Jack bil-ħruġ tal-famuża Love Tonight li tathom isem mal-erbat irjieħ tad-dinja.  

Minkejja dan is-suċċess huma ma waqfux hawn tant li fl-2018 ħarġu Into Int li wkoll tathom popolarità kbira.  

Ftit tax-xhur ilu, id-DJ Brażiljan Vintage Culture flimkien ma’ dak Franċiż David Guetta ħarġu r-remix ta’ Love Tonight u hawn Shouse komplew jiksbu aktar popolarità. 

Hekk kif għandhom ippjanat li jagħmlu żjara f’pajjiżna, aħna ħadna ħsieb li nagħmlulhom intervista b’mod virtwali sabiex insiru nafuhom ftit aktar.  

L-ewwel mistoqsija li saqsejniehom hi minn fejn ġie l-isem Shouse. “Ifhem diffiċli ngħidlek b’mod diplomatiku dwar l-oriġini ta’ dan l-isem li ġie minn kliem li kien jingħad fil-ħanut tax-xorb u li żgur li kieku ngħidhomlok jiġu ċċensurati. Li nista’ ngħidlek hu li ħadna ftit kliem minn hemm u minn hawn sa ma ħallatna l-isem Shouse.” 

Ed u Jack qalulna li pjuttost kellhom tfulija simili minkejja li ma kinux jafu lil xulxin u fl-istess ħin trabbew f’pajjiżi differenti. Huma trabbew f’familji fejn il-mużika kienet l-ordni tal-ġurnata bit-tnejn li huma li kienu jipprattikaw il-kitarra ta’ età żgħira ħafna. 

Tkellimna ma’ Ed u Jack dwar is-sitwazzjoni tal-industrija mużikali bħalissa wara li l-pandemija tal-COVID-19 laqtithom tista’ tgħid fil-laħam il-ħaj.  

“Is-sitwazzjoni ma tantx hi daqshekk sabiħa nammettuha. Il-COVID laqatna ħażin ħafna hekk kif l-industrija fl-Awstralja hi prattikament wieqfa u li se tieħu ż-żmien sakemm terġa’ lura fuq saqajha. Madankollu sibna ħafna sapport u kuraġġ minn ħafna segwaċi tagħna li jixtiequ jerġgħu jarawna ġaladarba jitnaqqsu r-restrizzjonijiet marbuta ma’ din il-pandemija.” 

Shouse huma konxji mill-fatt li fl-Ewropa, is-sitwazzjoni hi ferm differenti u huwa għalhekk li qed ifittxu sabiex jipparteċipaw f’diversi attivitajiet kontrollati iżda li għallinqas jerġgħu jtuhom iċ-ċans li jipprattikaw dan li jħobbu jagħmlu.  

Saqsejnihom dwar is-suċċess immedjat tad-diska Love Tonight. Kif ġie dan kollu?  “Sinċerament lanqas aħna stess ma nafu! Ridna nagħmlu diska għan-nies, għall-folla ngħidulha aħna. Jien naħseb li n-nies iridu jisimgħu mużika tajba u aħna dak li qed nippruvaw nipprovdulhom.” 

Iż-żewġ membri ta’ dan il-grupp komplew jgħidulna li s-sigriet tas-suċċess hu dejjem il-mużika. 

Iżda Ed Service u Jack Madin kif qed jaraw il-futur tagħhom? “Jien ngħid li l-futur hu ferm sabiħ. Aħna qed nagħmlu kollaborazzjonijiet kontinwi ma’ diversi DJs u produtturi tal-mużika. Meta int taħdem f’tim, se jkollok ir-riżultati. Aħna mhux tip ta’ persuni li ningħalqu għalina u naħdmu għal rasna. Għalhekk il-futur se jkun sabiħ għax għandna proġetti flimkien li fl-aħħar mill-aħħar il-mużika u min iħobbha se jgawdi minnha.” 

Sport