Fil-Pontifikal tal-bieraħ filgħodu fil-Festa tal-Qalb ta’ Ġesù li ġiet iċċelebrata fil-Fontana, l-Isqof Anton Teuma qal li l-festa din is-sena f’din il-parroċċa hi differenti minn tas-soltu għax mingħajr nar, imma fl-istess waqt il-komunità għandha għax tirringrazzja lil Alla “minħabba l-fatt li setgħet ġiet ħafna agħar”.
Huwa qal li n-nar tal-festa għandu importanza għax barra li jfakkar li hemm ċelebrazzjoni kbira fir-raħal, ixandar il-ferħ tagħha lil hinn mill-konfini tiegħu. Imma żied li “minn hawn u ftit tal-ġranet oħra ninsew li l-Festa ta’ din is-sena kienet mingħajr nar”.
“Imma hemm nar ieħor”, kompla l-Isqof, “li forsi wkoll qiegħed jonqos, u meta jonqos, ikun diffiċli biex ninsew, anzi, inħossu n-nuqqas tiegħu fit-tbatija kbira li ngħixu aħna u ta’ madwarna”.
Lin-nies tal-Fontana qalilhom: “Forsi mhux ta’ b’xejn li fil-parroċċa tagħkom in-nar huwa importanti”, imma stedinhom biex jagħmlu qabża u jmorru għal “dak in-nar li huwa l-iktar importanti u għandna bżonnu matul ħajjitna kollha kemm hi: in-nar tal-imħabba ta’ Alla”.
Għalhekk, meta qed ngħixu f’dinja li għalkemm ekonomiment tinsab tajba, hija nieqsa min-nar tal-imħabba vera, talab lill-Qalb ta’ Ġesù biex ikompli “jkebbes fina n-nar ta’ mħabbtu”.
Fir-riflessjoni tiegħu, l-Isqof tkellem dwar ħames tipi ta’ nar li joħorġu mill-Qalb ta’ Ġesù u li l-bniedem jeħtieġ li jgħix fl-imħabba tiegħu lejn l-oħrajn: in-nar tal-preżenza, in-nar tad-djalogu u l-komunikazzjoni ma’ xulxin, in-nar tal-aċċettazzjoni, in-nar tal-intimità, u dak tal-għotja tagħna nfusna għall-oħrajn.
“Din is-sena li ma għandniex nar”, għalaq l-omelija tiegħu l-Isqof Teuma, “ejjew nitolbu lill-Mulej biex jagħtina dan in-nar, li jservina ħajjitna kollha, u neħtiġuh ilkoll kemm aħna”.
Aktar ma nkunu qrib tal-Qalb ta’ Ġesù, in-nar tiegħu jqabbad in-nar tal-qalb tagħna, temm jgħid l-Isqof ta’ Għawdex.



