L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Hockey (Hockey Malta) nediet uffiċjalment l-istrateġija l-ġdida tagħha għall-perjodu 2026-2036 bl-isem ta’ ADVANCE, dokument dettaljat li għandu jservi bħala l-pedament għall-iżvilupp tal-isport matul l-għaxar snin li ġejjin.
L-avveniment ġabar flimkien personalitajiet importanti mill-qasam sportiv lokali u internazzjonali, fosthom rappreżentanti ta’ Sport Malta, il-Kumitat Olimpiku Malti, EuroHockey, klabbs, kowċis, plejers u voluntiera.
Il-president ta’ Hockey Malta, David Agius, fetaħ is-serata billi spjega kif l-istrateġija twieldet minn viżjoni ċara biex il-hockey f’Malta jkompli jikber b’mod sostenibbli. Huwa enfasizza l-importanza tal-kollaborazzjoni bejn l-istituzzjonijiet kollha involuti sabiex il-miri stabbiliti jkunu jistgħu jintlaħqu.
Wieħed mill-mistednin ewlenin kien Tom Pedersen-Smith, Head of Strategy & Development ta’ EuroHockey, li żar Malta għat-tieni darba fi żmien sena. F’intervista ma’ dan is-sit, huwa tkellem b’entużjażmu dwar il-progress li osserva.
“Meta ġejt Malta madwar tnax-il xahar ilu, kelli diversi laqgħat mal-Ministeru tal-Isport, il-Kumitat Olimpiku Malti, Sport Malta u Hockey Malta. Kelli wkoll l-opportunità nżur il-faċilitajiet f’Kordin u nara mill-qrib ix-xogħol li qed isir. Illum nista’ ngħid li rajt progress pożittiv ħafna,” qal Pedersen-Smith.
Huwa sostna li Malta għandha potenzjal kbir biex tikber fl-isport tal-hockey.
“Il-faċilitajiet huma tajbin ħafna u l-pedamenti jinsabu hemm. Bil-kollaborazzjoni ta’ Sport Malta u l-appoġġ kontinwu ta’ EuroHockey, nemmen li jista’ jsir ħafna aktar. Nistgħu nġibu aktar kompetizzjonijiet, aktar attivitajiet u aktar opportunitajiet għall-plejers u l-kowċis lokali.”
Meta mistoqsi dwar ir-rwol tiegħu fi ħdan EuroHockey, Pedersen-Smith spjega li huwa responsabbli mill-istrateġija u l-iżvilupp tal-federazzjoni Ewropea.
“Aħna nappoġġjaw 42 assoċjazzjoni nazzjonali madwar l-Ewropa, inkluż Malta. Ix-xogħol tagħna huwa li ngħinu lill-pajjiżi jiżviluppaw il-pjanijiet tagħhom u jiksbu l-għanijiet tagħhom. Naturalment mhux kull ħolma ssir realtà minnufih, iżda nemmen li ħafna minn dak li qed tippjana Hockey Malta jista’ jitwettaq matul l-għaxar snin li ġejjin.”
Pedersen-Smith kellu wkoll kliem ta’ tifħir għall-President David Agius.
“Għandi relazzjoni tajba ħafna ma’ David. Huwa persuna li taħdem bla heda għall-isport u dan jidher fl-enerġija li qed titwassal lill-komunità kollha tal-hockey.”
Mistieden ieħor prominenti kien Phil Taylor, CEO ta’ Blueprint Sport Strategy Consultants, il-kumpanija li assistiet fil-preparazzjoni tal-istrateġija ADVANCE. Għalih din kienet it-tieni żjara tiegħu f’Malta fi żmien sena.
“Kuntent ħafna li nerġa’ lura Malta. Żgur li huwa pjaċevoli li taħrab ftit mix-xita tal-Ingilterra,” qal bi tbissima.
Taylor spjega li matul iż-żjara preċedenti tiegħu kien impressjonat bil-faċilitajiet ta’ Kordin u baqa’ bl-istess ħsieb anke din id-darba.
“Il-kumpless huwa eċċellenti u għandu potenzjal kbir. Hemm ħafna modi differenti kif jista’ jintuża sabiex ikompli jattira aktar nies lejn il-hockey. Nemmen ukoll li Malta għandha opportunità tajba biex tospita avvenimenti relatati ma’ diversi tipi ta’ hockey u dan hu fattur pożittiv ħafna.
Taylor tkellem ukoll dwar il-progress li għamlu l-klabbs Maltin matul l-aħħar snin.
“Rajna klabbs bħal Qormi HC, Żurrieq HC u Floriana Young Stars jagħmlu passi importanti ħafna. Ir-riżultati tagħhom qed juru li hemm bażi soda li fuqha jista’ jinbena aktar suċċess.”
Dwar ir-rwol tiegħu fil-proġett, huwa spjega:
“Jiena naħdem ma’ Blueprint Sport Strategy Consultants. Qed nappoġġjaw lil EuroHockey u lil diversi assoċjazzjonijiet Ewropej fil-proċess tal-ippjanar strateġiku tagħhom. Malta hija waħda minn madwar tnax-il assoċjazzjoni li qed naħdmu magħhom direttament. L-għan tagħna huwa li ngħinu biex il-viżjoni tinbidel f’azzjonijiet konkreti.”
Taylor sostna li l-istrateġija ADVANCE mhijiex biss dokument, iżda pjan realistiku li jista’ jwassal għal tkabbir sostanzjali jekk jiġi implimentat b’mod konsistenti.
Wieħed mill-mumenti ewlenin tal-lejla kien ir-rikonoxximent internazzjonali mogħti lil Qormi HC, li ngħata l-unur prestiġjuż ta’ Small European Club of the Year 2025. Dan ir-rikonoxximent ġie deskritt minn diversi kelliema bħala sinjal ċar tal-progress li qed jagħmel il-hockey Malti fuq livell Ewropew.
L-aħħar mistieden internazzjonali li tkellem magħna kien Peter Elders, membru tal-Bord Eżekuttiv ta’ EuroHockey. Din kienet l-ewwel żjara tiegħu f’Malta, iżda jidher li mhux se tkun l-aħħar.
“Din hija l-ewwel darba tiegħi f’Malta, iżda żgur mhux l-aħħar waħda. Il-klima hija differenti ħafna minn dik ta’ pajjiżi, iżda hija waħda mill-affarijiet li jagħmlu lil Malta tant attraenti,” qal Elders.
Huwa kien partikolarment impressjonat bil-potenzjal tal-faċilitajiet ta’ Kordin.
“Il-kumpless huwa kbir u promettenti ħafna. Forsi m’għandkomx l-aktar pitch modern fl-Ewropa, iżda mhux dejjem ikollok bżonn il-perfezzjoni biex tibni timijiet ta’ suċċess. L-iktar ħaġa importanti hija li jkollok nies dedikati u viżjoni ċara.”
Elders jemmen li Malta għandha opportunità unika biex tattira kampijiet ta’ taħriġ internazzjonali.
“Il-klima tagħkom hu ta’ vantaġġ enormi. Ħafna pajjiżi Ewropej jistgħu jkunu interessati jiġu Malta għal training camps matul ix-xhur tax-xitwa. Dik hija opportunità li għandha tiġi esplorata aktar.”
Huwa kellu wkoll kliem ta’ tifħir għall-President David Agius, li ilu jaf għal numru ta’ snin.
“Kull darba li niltaqa’ miegħu fil-laqgħat ġenerali ta’ EuroHockey ninduna bl-enerġija kbira tiegħu. Huwa persuna li dejjem tkun qed tfittex modi ġodda kif timbotta ’l quddiem lill-isport.”
L-istrateġija ADVANCE issa tiftaħ kapitlu ġdid għall-hockey Malti. B’enfasi fuq il-parteċipazzjoni, l-iżvilupp tal-kowċis, it-titjib tal-faċilitajiet, it-tkabbir tal-kompetizzjonijiet u aktar preżenza internazzjonali, Hockey Malta qed tħares lejn il-futur b’ottimiżmu u determinazzjoni.
L-appoġġ li l-Assoċjazzjoni qed tirċievi minn EuroHockey, Sport Malta u l-Kumitat Olimpiku Malti jkompli jsaħħaħ it-twemmin li l-għanijiet stabbiliti jistgħu verament isiru realtà matul l-għaxar snin li ġejjin.



