Monday, June 15, 2026

Farsons tniedi ċ-Cisk Session, lager ġdida b’inqas alkoħol

Aqra wkoll

Il-Birrerija Farsons, li tipproduċi l-għażla tal-birer Cisk u rebbieħa ta’ diversi premjijiet, bi pjaċir tħabbar l-aħħar żieda fil-portafoll tagħha.

Cisk Session hi lager b’kontenut baxx ta’ alkoħol (3.0% ABV) u bl-istess karattru distintiv u konsistenza li l-konsumaturi jassoċjaw maċ-Cisk klassika. Cisk Session hija lager friska maħsuba biex tilħaq id-domanda dejjem tikber tal-konsumaturi għall-moderazzjoni u għal stil ta’ ħajja aktar bilanċjat, bl-istess kwalità u togħma marbuta mal-marka Cisk.

“L-innovazzjoni dejjem kienet fil-qalba tal-birrerija tagħna,” qal f’kumment is-Sur Karl Bondin, il-Kap tal-Marketing ta’ Simonds Farsons Cisk plc. “It-tnedija b’suċċess ta’ Cisk 0.0 fl-2021 uriet ċar li d-domanda għal birer bla alkoħol jew b’kontenut alkoħoliku baxx qed tiżdied; xewqa li tirrifletti bidla fl-attitudnijiet tal-konsumaturi għall-konsum tal-alkoħol. Cisk Session hi maħsuba għal dawk li jixtiequ jgawdu birra ta’ kwalità għolja imma li fl-istess waqt jixtiequ jnaqqsu l-konsum tal-alkoħol.”

Cisk Lager, li oriġinarjament tnediet fl-1929, kibret f’portafoll diversifikat ta’ birer rebbieħa. L-għażla tinkludi l-birra Cisk Excel, b’nofs il-karboidrati tal-verżjoni oriġinali iżda bl-istess togħma superjuri; Cisk Pilsner, pilsner ta’ kwalità eċċezzjonali; Cisk Premium, primarjament fl-Italja; Cisk Strong, lager b’9.0% ABV; il-varjanti Cisk Chill bit-togħmiet tal-lumi u ta’ bettieħ u dulliegħ; u Cisk 0.0, lager bla alkoħol li kellha tkabbir qawwi fil-kategorija tal-birer mhux alkoħoliċi.

Is-Sur Michael Farrugia, il-Kap Eżekuttiv, qal: “Cisk Session hi waħda minn diversi innovazzjonjiet fis-suq matul din is-sena. L-innovazzjoni hija parti integrali mill-istrateġija tagħna, u se nibqgħu impenjati li niżviluppaw il-portafoll skont il-preferenzi li qed jinbidlu tal-konsumaturi u l-opportunitajiet ġodda tas-suq, filwaqt li nkomplu nsaħħu l-marka Cisk.”

L-għażla tal-birer Cisk hi prodotta, irreklamata u mqassma minn Simonds Farsons Cisk plc. Aktar tagħrif issibu fis-sit www.cisk.com.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport