L-Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni Ħamrun, flimkien mal-parroċċa, se torganizza attività għall-familji u t-tfal fl-14 ta’ Novembru, biex tiċċelebra l-festa tradizzjonali ta’ San Martin.
L-attività se tibda fis-6.30 ta’ filgħaxija b’quddiesa fil-Knisja tal-Immakulata Kunċizzjoni, immexxija mill-kappillan Dun Franco Fenech, bil-parteċipazzjoni tat-tfal u l-personaġġ ta’ San Martin.
San Martin jibqa’ magħruf għall-ġest ta’ ġenerożità tiegħu meta, bħala uffiċjal fl-armata tal-Imperu Ruman, qasam il-mantell tiegħu ma’ raġel fqir li kien qed ibati bil-bard.
Wara l-quddiesa, iċ-ċelebrazzjoni se tkompli fi Pjazza Kappillan Muscat, quddiem il-każin tal-Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni, fejn se jitqassmu l-boroż tradizzjonali ta’ San Martin lit-tfal mingħajr ħlas.
Din it-tradizzjoni tmur lura għal żminijiet meta l-festa kienet tiġi ċċelebrata b’modi differenti skont il-qagħda soċjali. Filwaqt li l-familji sinjuri kienu jiċċelebraw fl-ewwel Ħadd ta’ Novembru billi jixtru l-frott tal-istaġun, il-familji foqra kienu jiċċelebraw fil-11 ta’ Novembru, il-jum proprju ta’ San Martin, bit-tqassim tal-boroż u l-provisti tal-ikel.
Fil-passat, il-Fratellanza ta’ San Martin tal-Parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu fil-Belt Valletta kienet ukoll tqassam provisti lill-familji fil-bżonn, partikolarment lil dawk numerużi.
F’każ ta’ maltemp, it-tqassim tal-boroż ta’ San Martin se jsir ġewwa l-knisja. Se jkun ipprovdut ukoll parkeġġ mingħajr ħlas fl-eks Liċeo.
Għal aktar informazzjoni, il-pubbliku jista’ jżur il-paġna ta’ Facebook tal-Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni Ħamrun.
