Bejn ilbieraħ filgħaxija u l-ġurnata kollha tal-lum, f’pajjiżna niċċelebraw il-festa tradizzjonali tal-Imnarja, festa li timmarka waqfa ta’ mistrieħ tal-bdiewa u r-raħħala wara ħidma bla heda fis-setturi tagħhom.
Għadd ta’ prodotti agrikoli u annimali huma għall-wiri fil-Buskett fejn bħal kull sena ħafna nies u familji jerħulha għal ġurnata flimkien.
Fil-festa tal-Imnarja taħbat ukoll il-festa ta’ San Pietru u San Pawl u l-kelma “Imnarja” ġejja mill-Isqalli “luminaria” li tfisser mixegħla. Dan għax fl-imgħoddi għall-festa ta’ dawn iż-żewġ qaddisin, kienu jixegħlu ħafna xemgħat u fjakkoli, kif ukoll iqabbdu bosta ħġejjeġ.