Il-Festival taċ-Ċikkulata jirritorna l-Ħamrun b’aktar attrazzjonijiet u esperjenzi għall-familja kollha

Aqra wkoll

Is-Sibt, 17 ta’ Ottubru, il-Ħamrun se jkun qed jospita s-sittax-il edizzjoni tal-Festival taċ-Ċikkulata, avveniment annwali li jiġbed lejh eluf ta’ viżitaturi u li din is-sena se joffri esperjenzi ġodda u innovattivi għall-familja kollha.

L-edizzjoni ta’ din is-sena se tkun ikkaratterizzata minn attrazzjonijiet oriġinali, fosthom xena mill-film The Lion King maħduma miċ-ċikkulata. Din inħolqot apposta għal din l-okkażjoni miċ-chocolatiers Tiziano Cassar u Chris Zammit. Minbarra l-wirjiet taċ-ċikkulata, il-viżitaturi se jkollhom ukoll l-opportunità li jiskopru u jduqu prodotti u kreazzjonijiet mhux tas-soltu.

Id-dettalji tal-festival tħabbru mill-Ministru għall-Gvern Lokali u Xogħlijiet Pubbliċi Alison Zerafa Civelli u mis-Sindku tal-Ħamrun Christian Sammut. Din is-sena, l-avveniment se jiġbor flimkien madwar 90 parteċipant li se jesebixxu prodotti marbuta maċ-ċikkulata.

Il-Ministru Alison Zerafa Civelli spjegat li avvenimenti bħal dawn isaħħu l-identità tal-lokalitajiet tagħna, jippromwovu t-talent lokali u joħolqu opportunitajiet għall-komunità u għan-negozji lokali, filwaqt li jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku u turistiku.

“Il-Gvern jibqa’ impenjat li jappoġġja inizjattivi li jqiegħdu lill-kunsilli lokali u lill-komunitajiet fiċ-ċentru tal-ħajja kulturali u soċjali, filwaqt li joħolqu aktar opportunitajiet għall-iżvilupp ekonomiku u turistiku tal-lokalitajiet Maltin,” qalet il-Ministru Alison Zerafa Civelli.

Is-Sindku tal-Ħamrun Christian Sammut, saħaq fuq l-importanza ta’ dan l-avveniment għall-komunità lokali, li kull sena jkompli jsaħħaħ l-identità tal-Ħamrun u jattira aktar viżitaturi lejn il-lokalità, filwaqt li jagħti spazju lit-talent u lill-intrapriża lokali.

Matul iż-żjara tagħhom, il-Ministru Zerafa Civelli u s-Sindku żaru wkoll waħda mill-wirjiet li se jkunu esebiti waqt il-festa taċ-ċikkulata, bl-isem Storja fil-Għoli. Din il-wirja qed tittella’ mill-Grupp Armar San Gejtanu fl-okkażjoni tas-70 anniversarju mill-bini tal-koppla.

It-toroq tal-Ħamrun se jieħdu l-ħajja permezz ta’ programm varjat ta’ mużika live, kantanti, baned, għaqdiet mużikali lokali, wirjiet u divertiment għal kull età. Il-festival joffri wkoll opportunità biex il-lokalità tkompli tippromwovi ruħha bħala ċentru ta’ attività kulturali, kreattiva u komunitarja.

Il-Festival taċ-Ċikkulata huwa organizzat mill-Kunsill Lokali Ħamrun, bis-sapport tal-Ministeru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.

Il-Festival taċ-Ċikkulata jibqa’ avveniment li jgħaqqad il-komunità, il-kreattività u l-intrapriża lokali, filwaqt li joffri lill-pubbliku opportunità biex igawdi esperjenza differenti fil-qalba tal-Ħamrun.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport