Wara s-suċċess tal-festivals tal-inbid tas-snin preċedenti, Ta’ Sannat qiegħed mill-ġdid iħejji għall-festival annwali tal-inbid. Is-sitt edizzjoni ta’ dan il-festival se ssir nhar is-Sibt, 2 ta’ Mejju 2026. Il-Kunsill Lokali ta’ Ta’ Sannat jinsab ħerqan li jerġa’ jospita dan il-festival fi Pjazza Santa Margerita bħala lejla awtentika li tgħaqqad l-inbid, il-kultura lokali u l-mużika.
Għall-komunità Ta’ Sannat, il-festival isaħħaħ ir-rabtiet li r-raħal għandu ma’ Montefiascone fl-Italja, minn fejn jiġi importat l-inbid kollu għal din l-attività. Iż-żewġ lokalitajiet, Ta’ Sannat u Montefiascone, huma marbuta flimkien bid-devozzjoni lejn Santa Margerita, il-qaddisa patruna tagħhom. Minn naħa l-oħra, Montefiascone fl-Italja huwa magħruf għall-inbejjed ta’ kwalità għolja mid-dwieli mkabbra fir-reġjun.
Is-Sindku Ta’ Sannat, is-Sur Philip Vella, ikkummenta li fil-fatt l-isem tal-festival għandu rabta sinifikanti ma’ Montefiascone. Il-frażi EST! EST!! EST!!! taf l-oriġini tagħha fil-leġġenda magħrufa tal-isqof Ġermaniż li kien qed jivvjaġġa lejn Ruma. L-isqof bagħat lill-qaddej tiegħu qablu fit-triq biex jidentifika l-aqwa nbejjed tul il-vjaġġ. Kull darba li l-qaddej kien jiltaqa’ ma’ nbid tajjeb, kien jimmarka l-post bil-kelma “Est” (li bil-Latin tfisser “hu”). Meta wasal Montefiascone, l-inbid kien tant bnin li ġie mmarkat “Est! Est!! Est!!!”.
Il-festival se jibda fis-7:30 pm, u se joffri lejla ta’ divertiment u atmosfera mill-isbaħ. Il-mistieden speċjali ta’ din is-sena huwa l-artist Malti Kurt Calleja u l-band tiegħu. Kurt Calleja huwa wieħed mill-aktar kantanti u kittieba tal-kanzunetti popolari f’Malta. Il-band Għawdxija StraitAhead se tkun ukoll qed tagħti wirja mużikali live.
Din l-attività hija mingħajr ħlas u se jkun hemm parkeġġ fil-grawnd tal-iskola Ta’ Sannat għal dawk li jaslu bil-vetturi tagħhom.
Dan l-avveniment qed isir bl-appoġġ tal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar u tal-Kunsill Reġjonali għal Għawdex.


