Thursday, April 23, 2026

L-Għaqda tan-Nar 23 t’April f’Ħal Qormi tingħata proprjetà b’ċens għal 50 sena

Aqra wkoll

Binja f’Ħal Qormi, li tinsab taħt ir-responsabbiltà tal-Awtorità tal-Artijiet, ġiet trasferita lill-Għaqda tan-Nar 23 t’April tal-istess lokalità b’titolu ta’ enfitewsi temporanja għal ħamsin sena.

Dan il-pass jassigura stabbiltà fit-tul għal din l-għaqda mhux governattiva, filwaqt li jippermetti aktar investiment dirett fil-festa Maltija, b’mod partikolari f’dan il-mument importanti fejn il-festa ġiet rikonoxxuta bħala wirt kulturali intanġibbli mill-UNESCO.

Ta’ min jinnota wkoll li l-Għaqda tan-Nar 23 t’April ta’ Ħal Qormi din is-sena qed tiċċelebra mitt sena mit-twaqqif tagħha.

F’din il-binja se jibbenefikaw ukoll żgħażagħ li qed jistudjaw l-inġinerija fl-MCAST, fejn jistgħu jfasslu u jiżviluppaw disinji innovattivi għan-nar tal-art u jfasslu strutturi tal-ħadid u makkinarji. Mhux se jkun permess li jinħażen, jinżamm jew jintuża xi materjal pirotekniku ta’ kwalunkwe xorta f’din il-binja. 

Il-binja se tkun ukoll spazju fejn anzjani b’esperjenza fil-qasam ikunu jistgħu jagħtu s-sehem tagħhom fl-aspetti li ma jinvolvux materjal pirotekniku, bħal pereżempju preparazzjonijiet manwali marbuta mal-brim tal-kartun, filwaqt li jgħaddu dak li jafu lil persuni oħra li jixtiequ jidħlu f’din it-tradizzjoni kulturali li tagħmel parti mill-patrimonju Malti. B’dan il-mod, it-tradizzjoni u s-sengħa tal-piroteknika tkompli tgħix u tissaħħaħ fost il-ġenerazzjonijiet futuri.

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, qal li dan il-pass huwa wieħed importanti biex il-qasam tat-tradizzjonijiet kulturali Maltin u Għawdxin ikomplu jimxu ’l quddiem. Saħaq li l-festa Maltija ġġib kommunitajiet sħaħ flimkien u hu għalhekk li l-Gvern jagħti l-appoġġ tiegħu. Huwa enfasizza li permezz ta’ din l-enfitewsi temporanja ta’ 50 sena, l-għaqda se tkun tista’ tippjana u tinvesti fit-tul sabiex tkompli tissaħħaħ u tespandi l-ħidma tagħha.

 Il-President tal-għaqda, Jason Busuttil, qal li dan il-ftehim se jagħti spinta ġdida lill-ħidma tal-għaqda u joffri sigurtà għall-futur tagħha. “Pass ieħor importanti li juri kemm hemm għarfien u apprezzament lejn il-ħidma volontarja u l-patrimonju tagħna. Dan il-ftehim mhux biss jagħti stabbiltà lill-għaqda, imma jiftaħ bibien ġodda għal aktar investiment, innovazzjoni u trasmissjoni tal-għerf lill-ġenerazzjonijiet futuri. Hekk nibqgħu nibnu fuq dak li għaddewlna ta’ qabilna u nassiguraw li t-tradizzjoni tal-piroteknika Maltija tkompli tgħix u tissaħħaħ,” temm jgħid is-Sur Busuttil.

It-trasferiment ġie ffirmat mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet, Robert Vella, flimkien mal-President tal-għaqda, Jason Busuttil u n-Nutar tal-Awtorità tal-Artijiet Roderick Gatt. Il-binja tinsab fi Triq Aloisio, Ħal Qormi.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport