Saturday, August 15, 2026
Home Internazzjonali IL-FRAĠILITÀ TAL-QASSISIN

IL-FRAĠILITÀ TAL-QASSISIN

0
3

Il-belt ta’ Trento fl-Italja tinsab f’luttu u taħt xokk wara l-mewt traġika ta’ Don Lino Zatelli, saċerdot ta’ 75 sena, magħruf bħala qassis kariżmatiku, innovattiv u b’impenn soċjali b’saħħtu. Permezz tal-istil kreattiv tiegħu u l-omeliji sbieħ u konkreti li kien jagħmel, kien kapaċi jimla l-knejjes u jaffaxxina lil kulħadd, miż-żgħażagħ sa dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà. Kien persuna ġeneruża ħafna u kapaċi jibni relazzjonijiet awtentiċi.

Iżda nhar l-Erbgħa li għadda, Don Lino nstab mejjet wara li neħħa ħajtu b’idejh. Id-Djoċesi kienet iddeċidiet li tittrasferixxih band’oħra, iktar qrib raħal twelidu. Deċiżjoni li qajmet reazzjoni qawwija u rabja fost in-nies tal-parroċċa. Skont persuni qrib tiegħu, Don Lino aċċetta din il-bidla b’ubbidjenza imma dan it-trasferiment imlieh b’ansjetà kbira u taħwida ta’ emozzjonijiet, kif stqarr hu stess meta ħabbar lin-nies li se jiġi trasferit.

Wara l-figura hekk soda u kariżmatika bħal ta’ Don Lino, kemm tbatija u solitudni interna setgħu akkumulaw fih mingħajr ħadd ma ntebaħ? Din it-traġedja tikxef il-fraġilità emozzjonali u l-iżolament ta’ persuni msejħa biex jisimgħu u jaqsmu t-tbatija ta’ ħaddieħor, iżda li xi kultant jibqgħu mingħajr netwerk li kapaċi jsostni lilhom infushom. Din it-traġedja tikxef ukoll l-ipokresija ta’ min fil-Knisja ma jridx jara r-realtà, ta’ min fil-Knisja ma jridx jifhem il-ġrieħi inviżibbli tas-saċerdoti tagħha bħala persuni, anke qabel il-funzjoni pastorali tagħhom.

Hija ħaġa komuni li l-qassis jaqa’ f’solitudni. Il-qassis mhuwiex superman. L-idea klerikalista għolliethom m’għola s-sema. Il-media ssallabhom meta xi ħadd minnhom jiżbalja. Imma dawn bnedmin bħalna. Bħala Knisja u bħala soċjetà rridu nibżgħu għalihom u nieħdu ħsiebhom. Uħud minnhom jagħtu ħafna, jinħelbu… u mbagħad nafu x’jista’ jiġri… Il-fidi hija essenzjali imma importanti wkoll is-saħħa mentali, l-appoġġ komunitarju, l-għaqda ta’ bejniethom, il-komprensjoni minn ta’ fuqhom…

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here