Jikteb Dun Anthony Mario Saliba
Fr Anthony Mario Saliba hu saċerdot mill-Parroċċa tal-Katidrall f’Għawdex. Hu qiegħed iwettaq il-ħidma pastorali tiegħu f’paċċorra fl-Istati Uniti, iżda kull sena jirritorna Għawdex biex jiċċelebbra l-festa tant għażiża għalih dik ta’ Santa Marija.
Din is-sena, il-Knisja Katidrali ta’ Għawdex qiegħda tfakkar anniversarju importanti ħafna hekk kif qed tfakkar it-300 sena mill-ewwel darba li ħarġet il-purċissjoni ta’ Santa Marija.
Qabel xejn inrodd ħajr lill-Editur li qed jagħtini din l-opportunità li naqsam mal-qarrejja ta’ dan il-ġurnal ftit tagħrif storiku dwar il-gżira ta’ Għawdex, b’mod partikulari dwar dan l-anniversarju tant importanti ta’ meta, tliet mitt sena ilu, ħarġet għall-ewwel darba l-purċissjoni titulari ta’ Santa Marija mill-Katidral iddedikat lilha fil-qalba ta’ Għawdex, propju f’nofs il-Belt il-Qadima ta’ Għawdex, illum magħrufa bħala “Iċ-Ċittadella.”
Fil-fatt kien propju nhar il-15 ta’ Awwissu 1726 meta din il-purċissjoni ħarġet għall-ewwel darba. U nistgħu ngħidu li minn dakinhar baqgħet toħroġ ta’ kull sena, taqta’ f’xi snin partikulari kemm minħabba l-gwerra kif ukoll minħabba xi kwistjonijiet oħra parrokkjali. Imma ejja nitilqu pass pass biex nirrakkuntaw din il-ġrajja importanti.

Qabel xejn, tajjeb li wieħed jgħid li l-festa ta’ Santa Marija hi marbuta ma’ Għawdex b’rabta tabilħaq singulari u ilha tiġi ċċelebrata bil-kbir fuq din il-gżira sa mill-ibgħad żminijiet. Skont dokument tas-16 ta’ Frar 1398, il-festa ta’ Santa Marija kienet diġa meqjusa bħala l-festa prinċipali ta’ Għawdex. U l-popolarità ta’ din il-festa baqgħet tikber minn żmien għal żmien, minn seklu għal ieħor. Tant huwa hekk li mal-Għawdxin bdew jingħaqdu wkoll kwantità kbira ta’ Maltin li minn sena għal oħra kienu jagħżlu li jiċċelebraw l-Għid tal-Assunta f’Għawdex. Ara kemm hu hekk: nhar l-14 ta’ Awwissu tal-1779, l-Inkwiżitur Antonio Zondadari ħalla bil-miktub li l-furbani minn Tripli kienu jistennew bil-ħerqa l-jiem ta’ Nofs Awwissu biex jinħbew fil-fliegu ta’ bejn Malta u Għawdex u imbagħad jagħtu s-salt għad-dgħajjes u l-bċejjeċ oħra tal-baħar li fuqhom kien ikun hemm il-Maltin fi triqthom lejn Għawdex għall-festa ta’ Santa Marija.
Naturalment, hemm raġuni għaliex din il-festa hija tant importanti għall-Ghawdxin. Ma ninsewx li din hi l-festa titulari tal-knisja Katidrali tad-Djoċesi Għawdxija li sa mill-qedem nett kienet iddedikata lill-Assunzjoni tal-Madonna fis-Sema. Fil-Viżta Apostolika tiegħu tal-1575, Mons. Dusina jsejjaħ lil din il-knisja: la parrocchia di questa Isola del Gozzo – “il-parroċċa ta’ din il-gżira ta’ Għawdex.” Għaliex ma rridux ninsew li fil-qedem din il-parroċċa kellha taħt il-ħarsien tagħha mhux biss il-Belt imma l-gżira kollha ta’ Għawdex, taqta’ s-subborg ċkejken li kien hemm ‘il barra mill-ħitan tal-belt, imsejjaħ “ir-Rabat”, maqsum f’tlett kwartieri żagħar bi knisja parrokkjali f’kull wieħed minnhom. U mill-istess Viżta Apostolika ta’ Mons. Dusina ninnutaw li minn dawn l-erba’ knejjes parrokkjali, dik ta’ Santa Marija ta’ ġewwa l-belt biss kellha l-fonti tal-magħmudija. Dan għaliex din kienet il-parroċċa-omm li minnha tnisslu t-tlett parroċċi l-oħra tar-Rabat li fid-dokumenti insibuhom imsemmija dejjem f’din l-ordni ta’ preċedenza skont il-qedem tagħhom: dik ta’ Santa Marija ta’ Savina (aktarx l-eqdem waħda), warajha dik ta’ San Ġakbu, u fl-aħħar dik ta’ San Ġorġ.
Ma ninsewx li li fl-1435 il-knisja ta’ Santa Marija fiċ-Ċittadella, li l-oriġini tagħha huma Biżantini kif jixhed it-Testment ta’ Guglielmo de Malta tal-1299, kienet diġa imsejħa bit-titlu ta’ “matriċi”: Sancte Marie Matricis Ecclesie. Fl-1463, ibagħad, din il-knisja kienet diġa tiffunzjona wkoll bħala Kolleġġjata. Dan it-titlu imbagħad kien ġie moghti lilha mill-ġdid fl-1623. Fl-1864, imbagħad, il-Papa Beatu Piju IX għażel lil din il-knisja biex tkun il-Katidral tad-Djoċesi ta’ Għawdex, kif għadha sal-llum
Kif kienet issir il-Festa Qabel l-1726?
Qabel din id-data importanti ta’ meta ħarġet għall-ewwel darba l-purċissjoni ta’ Santa Marija tliet mitt sena ilu, l-Festa Titulari tal-Knisja Matriċi u Kolleġġjata ta’ Għawdex kienet diġà tiġi ċċelebrata b’solennità kbira, iżda b’mod differenti. Il-festa kienet tikkonsisti f’Quddiesa solenni bil-mużika, sparar tradizzjonali tal-maskli li kienu saru tant popolari f’dawn il-gżejjer mal-miġja tal-Kavallieri ta’ San Ġwann wara l-1530, u, naturalment, kienu jiġu organizzati t-tlielaq tradizzjonali tal-bhejjem fit-telgħa ta’ Triq it-Tiġrija, liema triq ħadet isimha propju minn dan l-avveniment annwali. L-oriġini ta’ din it-tiġrija huma medjovali u l-iskop li ghalih kienet tiġi organizzata ma kienx biss biex tferraħ lill-Għawdxin f’din il-festa ewlenija imma wkoll biex isservi ta’ inċentiv għal dawk miktuba fid-Dejma Għawdxija biex iżommu ż-żwiemel tagħhom dejjem imħarrġa u b’saħħithom. (Id-Dejma kienet dik il-milizzja lokali magħmula minn numru ta’ għassiesa li dmirhom kien li jindokraw x-xtut u l-kosta ta’ gżiritna lejl u nhar matul is-sena kollha.)
Għall-festa ta’ Santa Marija ta’ Għawdex kienet tiġi organizzata wkoll ikla speċjali għall-foqra kollha tal-gżira. Fil-fatt dakinhar dawn kienu jingħataw pinta nbid u l-għażżiela: kagħka tonda imħawwra u moħmija fil-forn.
Għalkemm mill-Knisja Matriċi kienu diġà joħorġu xi purċissjonijiet oħra matul is-sain, bħal dik tar-Rużarju li bdiet issir f’xi żmien qrib l-1598 u l-purċissjoni l-oħra tal-Corpus Christi, mill-ebda knisja oħra f’Għawdex ma kienet toħroġ purċissjoni fil-jum tal-festa titulari tagħha, lanqas mill-Matriċi ta’ Santa Marija. Fil-fatt sa tlett mit sena ilu, il-purċissjonijiet fil-festi titulari ma kienux jeżistu f’Għawdex.
L-Arċipriet Dun Nikol Natal Cassia Magri
Il-persuna li organizza għall-ewwel darba l-purċissjoni ta’ Santa Marija, u allura introduċa din it-tradizzjoni ġdida f’Għawdex, ma kien ħadd għajr l-Arċipriet tal-Matriċi u Kolleġġjata Insinji, Dun Nikol Natal Cassia Magri.
Dun Nikol twieled fil-Belt Valletta fl-1662. Wara li rċieva l-ewwel edukazzjoni tiegħu hemmhekk, il-ġenituri tiegħu bagħtuh Għawdex biex ikompli jistudja għand saċerdot ieħor magħruf għall-għerf tiegħu, Dun Karlu Magri li kien ukoll l-Arċipriet tal-istess knisja Matriċi. Dun Karlu ħarreġ sewwa lil Nikol fix-Xjenzi Ekkleżjastiċi, tant li minn Għawdex, Nikol mar Ruma fejn kompla javvanza fl-istudji tiegħu u saħansitra kiseb id-Dottorat fil-Liġi Ċivili u Ekkleżjastika. Ġie ordnat saċerdot f’Ruma nhar id-29 ta’ Jannar 1690. Għalkemm kunjomu kien oriġinarjament Cassia, huwa żied miegħu “Magri” bħala sinjal ta’ qima lejn il-benefattur kbir tiegħu, l-Arċipriet Dun Karlu Magri.

Nhar it-30 ta’ Diċembru tal-1692, Dun Nikol inħatar koadjatur tal-Arċipriet Karlu Magri bid-dritt tas-suċċessjoni. Ftit ġimgħat wara, nhar il-11 ta’ Jannar 1693, il-gżejjer Maltin intlaqtu minn terrimot qawwi u tal-biża’, li baqa’ magħruf bħala “it-Terrimot ta’ San Iġinu.” U mal-mewt tal-Arċipriet Karlu Magri, nhar il- 25 ta’ Ottubru, Dun Nikol ħa f’idejh it-tmexxija tal-Matriċi u Kolleġġjata ta’ Santa Marija bħala Arċipriet.
Dun Nikol Natal Cassia Magri dritt medd idejh biex iwettaq il-proġett il-kbir tal-bini ta’ knisja ġdida, peress li dik li kien hemm kienet għadha dik Medjovali u kienet qdiemet sewwa. Ma nkunux korretti jekk ngħidu li kien l-Arċipriet Cassia Magri li ta bidu għal dan il-proġett għax il-ħsieb kien ilu hemm għal snin kbar u l-Arċipriet ta’ qablu, Dun Karlu Magri, kien diġa għarraf lill-Isqof Davide Cocco-Palmeri bil-ħsieb tal-bini ta’ knisja ġdida. Kien fil-fatt l-Arċipriet Karlu Magri li għamel kuntatt mal-arkitett Lorenzo Gafa u dan, fl-1685, kien diġa beda jaħdem fuq il-proġett tal-bini tal-knisja l-ġdida. Imma m’hemmx dubju li t-terrimot ta’ Jannar tal-1693, waqt li kkawża iktar ħsarat serji fil-Matriċi u Kolleġġjata ta’ Santa Marija, kompla jsaħħaħ ir-rieda tal-Arċipriet Cassia Magri u tal-Għawdxin biex bla telf ta’ żmien itellgħu tempju ikbar u isbaħ iddedikat lill-Assunta fil-qalba tal-belt tagħhom.
Fil-fatt, nhar il-21 ta’ Settembru tal-1697 l-Arċipriet Cassia Magri bierek u qiegħed l-ewwel ġebla tal-knisja l-ġdida fost il-ferħ u l-entużjażmu tal-Għawdxin. Ix-xogħol tal-bini dam sejjer tmintax –il sena sħaħ li matulhom l-Arċipriet wera rieda tal-azzar biex jirbaħ kull tfixkil li iltaqa’ miegħu, fosthom il-mewt tal-istess arkitett Gafa’ fl-1703. U fil-fatt, il-ħolma tal-Għawdxin saret realta’ nhar il-Ġimgħa, Lejlet Santa Marija tal-1711 meta Dun Nikol fetaħ u bierek il-knisja l-ġdida. U l-għada, nhar l-Għid tal-Assunta, il-poplu kollu ta’ Għawdex inġabar fiha jagħti qima lil Alla u lill-Madonna. Ħames snin wara, imbagħad, nhar il-Ħadd, 11 ta’ Ottubru 1716, l-Isqof Giacomo Canaves ikkonsagrha fost il-ferh tal-Arċipriet Cassia Magri, tal-Kapitlu, u tal-poplu Għawdxi.
L-Arċipriet Nikol Natal Cassia Magri, minbarra li kien Arċipriet u mexxej ta’ ħila, kien ukoll bniedem li ħabb verament lil Għawdex u l-poplu tiegħu. Tant huwa hekk li hu kien wieħed minn tal-ewwel li beda jitħabat biex jissolvew il-problemi kbar li kienu jħabbtu wiċċhom magħhom l-Għawdxin meta l-gżira tagħhom kienet għadha tagħmel parti mid-Djoċesi ta’ Malta. U fl-1712 ressaq rikors lill-Papa Klement XI li fih talbu biex il-gżira ta’ Għawdex tinqata’ minn dik ta’ Malta fi djoċesi separata.
Dun Nikol kien ukoll bniedem b’heġġa u viżjoni pastorali kbira, imħarreġ ħafna fil-Liturġija mqaddsa, u devot kbir tal-Assunta. Kienet propju din l-imħabba li kellu lejn il-Madonna li qanqlitu biex fl-1726, mela f’għeluq l-għaxar snin mill-konsagrazzjoni tal-knisja l-ġdida, dehrlu li għandu jorganizza purċissjoni barra l-knisja u madwar it-toroq taċ-Ċittadella nhar Santa Marija filgħodu biex jagħti ġieħ lill-Assunta fil-jum għażiż tal-festa tagħha.
L-Ewwel Purċissjoni nhar il-15 ta’ Awwissu 1726
Għal din l-ewwel purċissjoni, l-Arċipriet ried jagħmel kollox kif suppost u bil-kbir. Fil-fatt huwa stieden lill-komunitajiet reliġjużi kollha tar-Rabat, inklużi l-Patrijiet Agostinjani u dawk Franġiskani Konventwali. Dawn tal-aħħar pero’ ma setgħux jattendu peress li, kif stqarr il-patri gwardjan tagħhom Giovanni Camenzuli, nhar Santa Marija kien ikollhom numru kbir ta’ persuni fil-knisja tagħhom biex iqerru u jirċievu t-tqarbin. Għalhekk, kontra qalbhom, kellhom jirrifjutaw l-istendina tal-Arċipriet.

Kmieni filgħodu, nhar Santa Marija tal-1726, tliet mitt sena ilu, l-Għawdxin inġabru bi ħġarhom fil-knisja Matriċi u Kolleġġjata tagħhom. Follol kbar ukoll imlew it-toroq storiċi tal-Belt il-qadima ta’ Għawdex. Kulħadd kien fuq ix-xwiek biex jara din l-ewwel purċissjoni titulari f’Għawdex. Fil-ħin deċiż mill-Arċipriet u l-Kapitlu, fil-bieb ewlieni tal-Matriċi tfaċċaw l-istendardi tal-fratellanzi bis-slaleb u l-lanterni warajhom. L-aħħar fratellanza li imxiet kienet dik tas-Sagrament, l-eqdem waħda t’Għawdex. Dritt wara imxew l-patrijiet Agostinjani, il-kleru, u l-Kapitlu tal-Matriċi. Fl-aħħar nett mexa l-Arċipriet Dun Nikol Natal Cassia Magri, bejn żewġ djakni jżommulu t-tarf tal-kappa tal-brukkat tad-deheb. L-Arċipriet żamm f’idejh ir-relikwija insinji tal-Madonna li għadha sal-lum miżmuma b’għożża kbira fil-Katidral. Kollox inżamm b’sollenita’ u b’devozzjoni kbira. Għax l-Arċipriet Cassia Magri kien jagħmel kollox b’serjeta’ kbira. L-istoriku Għawdxi l-Kan. Ġann Piet Franġisk Agius de Soldanis, li kien jaf personalment, ħalla hekk miktub dwaru: “Wera li hu kien imħarreġ fiċ-ċerimonji u riti tal-Knisja u fil-letteratura ma tul ħajtu kollha, imma fuq kollox wera li kien bniedem ta’ devozzjoni kbira…”.
L-Arċipriet Nikol Natal Cassia Magri miet nhar is-16 ta’ April, 1729, mela ftit snin wara li organizza għall-ewwel darba l-purċissjoni titulari ta’ Santa Marija. Kellu 67 sena. Is-suċċessur tiegħu, l-Arċipriet Dun Adeodatu Formosa kompla saħħaħ din it-tradizzjoni tal-purċissjoni titulari ta’ kull sena, nhar l-Għid tal-Assunta. U fil-fatt, dak li inbeda tlett mit sena ilu, għadu magħna sal-lum. U mhux biss fil-Katidral imma f’kull parroċċa oħra tad-djoċesi ta’ Għawdex li ta’ kull sena jiffestiġġjaa l-qaddisin patruni tagħhom bil-purċissjoni fil-jum tal-festa titulari.
Fi żminijiet tagħna, pero’, il-purċissjoni ta’ Santa Marija tal-Katidral toħroġ taħt forma ferm differenti minn kif ħarġet tliett mitt sena ilu. Dan għaliex nhar id-29 ta’ April 1956, is-Soċjeta’ Filarmonika “del Leone” (AD. 1864), l-ewwel banda Għawdxija, irregalat l-istatwa għażiża tagħha tal-Assunta lill-Katidral. Minn dak il-jum għażiż, il-purċissjoni ta’ Santa Marija ta’ Għawdex saret waħda mill-iktar manifestazzjonijiet Marjani devoti u solenni fil-gżejjer Maltin.
+ + +
Caption għar-ritratti:
Mumenti diversi waqt il-Purċissjoni bl-istatwa artistika u devota ta’ Santa Marija nhar il-15 ta’ Awwissu, 2025.
Ritratti: Sem. Jeremy Scicluna.

