Mit-12 ta’ Awwissu 2026 daħlu fis-seħħ regoli ġodda tal-UE dwar l-ippakkeġġjar u l-iskart ġenerat mill-kaxxi u l-plastik li fihom il-konsumatur jirċievu diversi prodotti impurtati.
Ir-regoli jgħidu li fis-snin li ġejjin il-plastik li fih jiġu ppakkjati l-prodotti jridu jkunu magħmulin, f’partijiet minnu, minn plastik riċiklat. Sal-2030 l-ippakkeġġjar irid ikun kollu riċiklabbli.
Il-Kummissjoni Ewropea qed tinsisti wkoll fir-regoli li jkun hemm tabelli u kuluri mal-ippakkeġġjar li jagħmilha aktar faċli għall-konsumatur li jkun jaf il-prodott minn xiex hu magħmul, fejn għandu jarmi l-materjal u fejn għandu jirritorna partijiet minnu biex jerġa’ jiġu użat.
Ir-regoli qed jisħqu wkoll li ma jkunx hemm ippakkeġġjar żejjed jew spazju vojt fil-kaxxi bil-kumpaniji qed jiġu mħeġġa jerġgħu jużaw kemm jistgħu mill-materjal.
Fir-rigward ta’ prodotti tal-ikel qed ikun ipprojbit fl-ippakkeġġjar materjal perikoluż jew materjal li jista’ jikkawża l-kanċer (PFAS). Ir-regoli jobbligaw ukoll lill-kumpaniji biex iħallsu għal materjal li jagħmel ħsara lill-ambjent.

