Waqt li bosta turisti qed iħejju l-vaganza tagħhom f’Malta, il-pajjiż qiegħed iħejji biex jilħaq it-turisti fil-qofol tal-istaġun. Il-forzi tal-ordni qed jingħaqdu bejniethom biex jagħtu servizz ta’ sigurtà madwar il-pajjiż b’enfasi partikolari fejn ikun hemm konċentrazzjoni ta’ persuni. Dan l-isforz qiegħed isir biex titħares is-sigurtà, il-bon ordni u l-kwalità tal-ħajja tar-residenti u tal-viżitaturi.
Bħala parti minn dan l-isforz, il-Korp tal-Pulizija qed jintensifika r-rondi u l-preżenza tiegħu f’żoni fejn ikun hemm konċentrazzjoni akbar ta’ persuni u attività, inkluż fi Swieqi, San Ġiljan, Paceville u żoni oħra turistiċi u ta’ divertiment bħal Tas-Sliema u l-Gżira. Dan l-isforz qed ikun imsaħħaħ ukoll bl-assistenza tal-Forzi Armati ta’ Malta, li qed jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-Korp tal-Pulizija f’operazzjonijiet ta’ preżenza partikolari f’ċerti żoni, kif ukoll minn uffiċjali tal-LESA.
Il-ħidma qed tkun ikkordinata bejn l-entitajiet kollha kkonċernati, bil-għan li jkun hemm preżenza aktar viżibbli fuq il-post, intervent aktar immedjat fejn ikun meħtieġ u deterrent kontra mġiba antisoċjali, vjolenza u kwalunkwe azzjoni li tista’ tfixkel il-paċi pubblika.
Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Glenn Bedingfield qal li l-Gvern se jibqa’ jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex iħares lill-komunitajiet u jiżgura li r-residenti jkunu jistgħu jgħixu f’ambjent sigur.
“Il-messaġġ tagħna huwa ċar: m’aħna se nħallu lil ħadd jikkomprometti s-sigurtà u l-paċi tal-komunitajiet tagħna. Fejn ikun hemm bżonn ta’ aktar preżenza u aktar riżorsi, se nkunu hemm. Il-forzi kollha tal-ordni għandhom l-appoġġ kollu tiegħi biex isaħħu l-kapaċità operattiva tagħhom fejn u kif meħtieġ,” qal il-Ministru Bedingfield.
Il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà jirringrazzja lill-uffiċjali kollha tal-Korp tal-Pulizija, lill-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta u lill-Uffiċjali tal-LESA għas-servizz u d-dedikazzjoni tagħhom, filwaqt li tenna li l-isforzi sabiex jissaħħu s-sigurtà u l-bon ordni se jkomplu skont il-ħtiġijiet u r-realtajiet ta’ kull lokalità.
L-isforzi intensifikati fis-Swieqi u Pembroke, inkluż permezz ta’ rondi billejl u fokus fuq żoni identifikati bħala hotspots, diġà kienu parti mill-ħidma tal-Pulizija matul dan is-sajf, filwaqt li l-Gvern ħabbar ukoll miżuri usa’ biex isaħħaħ l-infurzar fiż-żoni turistiċi fosthom l-on the spot fines. F’dan ir-rigward irduppjat il-multa minima u min jeħel multa ta’ 200 ewro jew aktar u mhux residenti f’pajjiżna jista’ jiġi deportat.

