Tuesday, May 14, 2024

Il-Franċiż Turpin se jikkontrolla l-finali bejn Liverpool u Real Madrid

Aqra wkoll

Il-bieraħ il-Kumitat tar-Referees tal-UEFA ħabbar erba’ timijiet ta’ referees għall-finali tal-kompetizzjonijiet tal-UEFA li se jsiru dan ix-xahar.

Il-Franċiż Clement Turpin ġie maħtur biex jikkontrolla l-finali tal-UEFA Cham­pions League bejn Liverpool u Real Madrid, li se ssir fi Stade de France f’Saint-Denis, Franza, nhar is-Sibt, 28 ta’ Mejju, fid-9.00 pm.

Turpin, ta’ 39 sena, li ilu referee internaz­zjonali mill-2010, se jkun qed jikkontrolla l-ewwel finali tiegħu taċ-Champions League, wara li serva bħala r-raba’ uffiċjal fil-finali tal-2018. Huwa rrefja seba’ logħbiet taċ-Champions League mir-round tal-play-off, dan l-istaġun, inkluża l-ewwel leg tal-kwarti-finali bejn Chelsea u Real Madrid. Fl-istaġun li għadda huwa rrefja l-finali tal-UEFA Europa League.

Turpin se jkun assistit mill-kompatrijotti tiegħu, Nicolas Danos u Cyril Gringore, filwaqt li Franċiż ieħor, Benoit Bastien, se jkun ir-raba’ uffiċjal.

Ir-rwol tal-VAR ġie assenjat lil Jerome Bri­sard (Franza), u se jkun assistit minn Willy Delajod (Franza) u żewġ Taljani, Massimiliano Irrati u Filippo Meli.

UEFA EUROPA LEAGUE

Slavko Vincic se jirrefja l-finali tal-UEFA Europa League bejn Eintracht Frankfurt u Rangers, li se tintlagħab fl-Estadio Ramon Sanchez-Pizjuan f’Seville, Spanja, nhar l-Erbgħa, 18 ta’ Mejju, fid-9.00 pm.

Referee internazzjonali mill-2010, is-Slo­ven ta’ 42 sena ħa t-tmexxija ta’ disa’ logħbiet taċ-Champions League mir-round tal-play-off, dan l-istaġun, inkluża t-tieni leg tal-kwarti-finali bejn Bayern Munich u Villarreal CF.

Vincic se jkun involut f’finali maġġuri tal-kompetizzjoni tal-clubs tal-UEFA għat-tielet darba, wara li aġixxa bħala r-raba’ uffiċjal fil-finali tal-UEFA Europa League tal-2021, u bħala Assistent Referee Addizzjonali fil-finali tal-UEFA Europa League tal-2017.

Vincic se jkun assistit mill-kompatrijotti Tomaz Klancnik u Andraz Kovacic. Ir-raba’ uffiċjal, Srđjan Jovanovic, huwa mis-Serbja.

Ir-rwol tal-VAR ġie assenjat lil Paulus van Boekel (Olanda), u se jkun megħjun minn Jure Praprotnik mis-Slovenja u l-Ispanjoli Alejandro Hernandez Hernandez u Roberto Diaz Perez del Palomar.

UEFA EUROPA CONFERENCE LEAGUE

Ir-Rumen Istvan Kovacs se jirrefja l-finali tal-UEFA Europa Conference League bejn AS Roma u Feyenoord, li se tintlagħab fl-Arena Kombetare f’Tirana, l-Albanija, nhar l-Erbgħa, 25 ta’ Mejju, fid-9.00 pm.

Kovacs ilu referee internazzjonali mill-2010, u se jkun qed jieħu ħsieb l-ewwel finali tiegħu tal-kompetizzjoni tal-clubs tal-UEFA.

Dan l-istaġun, Kovacs, 37 sena, ikkontrolla 10 logħbiet tal-kompetizzjonijiet tal-clubs tal-UEFA, inkluża l-ewwel leg tas-semi-finali taċ-Champions League bejn Manchester City u Real Madrid.

Kovacs se jkun assistit mill-kompatrijotti Vasile Florin Marinescu u Mihai-Ovidiu Artene. Ir-raba’ uffiċjal, Sandro Scharer, huwa mill-Isvizzera.

Ir-rwol tal-VAR ġie assenjat lil Marco Fritz (Ġermanja), u se jkun megħjun minn Christian Dingert u Bastian Dankert, Ġermaniżi wkoll.

Sport