Minn Cristian Muscat
Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek ma’ Hibernians FC sa issa.
Iddeċidejt li nibdel l-ambjent u mmur nilgħab ma’ Hibernians FC biex noħroġ mill- ‘comfort zone’ tiegħi. Ġejt milqugħa ġo familja ġdida u qiegħda nħossni li minħabba f’hekk qiegħda nikber anke fuq livell personali apparti fil-futbol.
Bħala tim nemmen li nistgħu nibqgħu niġġieldu għar-rebħ tal-kampjonat sal-aħħar u kapaċi nirbħu jekk naħdmu u nibqgħu nitgħallmu flimkien. Bejn staff u plejers hemm relazzjoni tajba li tgħinna żżommna uniti bħala tim. Nemmen ħafna li dan l-ambjent ta’ unitá u pożittivitá jagħmel differenza llum il-ġurnata.
U dik mat-tim nazzjonali Malti tan-nisa.
Dejjem unur li nkun mgħajta mat-tim nazzjonali, baqagħli triq twila u lesta li nibqa’ naħdem u nikber. Kemm ilni nitla’ mat-tim nazzjonali tan-nisa tgħallimt kemm il-passjoni u l-imħabba lejn il-flokk trid toħroġ u kemm trid tibqa’ tiġġieled sal-aħħar. Mat-tim nazzjonali, il-qalb turi kemm trid tirbaħ.
X’tikkummenta fuq il-kowċ, Manuela Tesse?
Hija tassew kowċ li trid il-ġid lill-plejers tagħha, u tagħmel minn kollox biex tara kambjament fil-futbol Malti. Nemmen li qajmet ħsibijiet ġodda ġo fija bħala plejer li qatt ma kont naħseb li tagħmel differenza. Hija kowċ li ħa tagħfsek u temmen fik meta tara li għandek potenzjal tikber u tibqa’ tissikkak biex taħdem u tkun dejjem aħjar.
Kif tqis il-livell tal-futbol tan-nisa f’pajjiżna fil-preżent?
Il-livell fil-futbol Malti ogħla. Ħafna plejers qegħdin jaħdmu biex iżommu posthom mal-klabb. Nemmen li l-plejers barranin għenu ħafna biex ngħollu l-livell kemm fejn tidħol intensitá fit-taħriġ, kif ukoll fil-logħob.
Kampjonat interessanti u jżommok trid iktar. Nistgħu naraw kemm għola l-livell b’kemm qegħdin viċin bil-punti, u resaq l-aħħar rawnd tal-kampjonat. Ir-rebħiet tat-tim nazzjonali għenu ħafna biex jagħtu kuraġġ lil ħafna plejers li jemmnu aktar fil-possibiltajiet tagħhom u meta nilagħbu ma’ plejers barranin tista’ tara wkoll li l- livell għola ħafna.
U l-livell tal-grawnds fejn tilagħbu l-logħob tagħkom?
Rigward grawnds nemmen li dejjem nistgħu nilagħbu f’pitches aħjar. Avolja ma tantx hawn ħafna għażla hawn Malta imma nbiddlu ħafna artijiet differenti. Nitkellem għalija kemm man-nazzjonal kif ukoll mal-klabb, aħna nittrenjaw fuq pitches tal-ħaxix peró mbagħad nilagħbu fuq syntethic pitches differenti u din ġieli tikkawża ċerti injuries.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Bħala plejer lokali, nixtieq li nibqa’ nikber kemm bħala plejer kif ukoll nikber f’ħajti personali. Irrid li nilħaq livell fejn inkun nista’ ngħin lit-tim tiegħi biex nirbħu l-unuri u biex ikompli jikber il-futbol hawn Malta.
Għaddi messaġġ finali speċjalment lill-bniet u t-tfajliet li jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Il-futbol bidilli ħajti … kabbarni bħala player kif ukoll personalment. Għal min għadu qiegħed jibda l-futbol, qatt tieqfu taħsbu fuq ir-raġuni għaliex bdejtu tilagħbu fl-ewwel ġurnata. Jiġu mumenti fejn tgħidu m’ghandkomx aptit taħriġ, jew m’għandkomx aptit tilagħbu xi logħba imma ibqgħu ffokati għax dan kollu jkun ta’ għajnuna fil-karriera tagħkom, u meta tkun tħobb sport, personalment il-futbol tani sodisfazzjon li ma nista’ nġib minn ebda ħaġ’oħra f’ħajti!