L-eks goalkeeper ta’ Liverpool, Loris Karius, qed jikkunsidra li jirtira għal kollox mill-karriera tiegħu, fl-etá ta’ 31 sena.
Il-finali tal-UEFA Champions League 2018 kontra Real Madrid li ntlagħbet fin-NSC Olimpiyskiy Stadium, fil-belt ta’ Kiev, fl-Ukrajna, kienet prattikament l-”aħħar partita tiegħu” minħabba li ż-żewġ żbalji kruċjali li kkommetta raw lill-Madrileni ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-1.
Dik il-wirja baqgħet tiġri warajh matul ħajtu kollha bħala inkubu li qatt ma rkupra minnha hekk kif ġarra miegħu kull fejn mar.
Huwa mill-ewwel tilef postu ma’ Liverpool fejn imbagħad kien misluf lil Besiktas u lil Union Berlin. Fl-2022 huwa ġie trasferit ma’ Newcastle … iżda l-karriera tiegħu qatt ma ħadet ir-ruħ.
“Inħoss li matul l-aħħar ftit snin, għamilt kull sforz biex inpatti għal dawk iż-żewġ żbalji … iżda qatt ma kien biżżejjed. Kienet diffiċli għalija biex stajt nirkupra minn dik is-sitwazzjoni.
“Kienet diffiċli biex nirbaħ il-fiduċja tal-coaches u tal- partitarji bil-konsegwenza li ma kontx ningħata ħafna ħin biex nerġa’ nuri l-potenzjal tiegħi. Ma kien tort ta’ ħadd iżda kien jistħoqqli li ningħata ċans ieħor.”
Wara l-finali huwa kien ittieħed l-isptar minħabba li sar magħruf li lagħab b’concussion wara inċident li sofra mad-difensur Madrilen, Sergio Ramos … ftit minuti biss wara li l-istess Ramos kien ikkommetta foul premeditat fuq Mohamed Salah biex dan tal-aħħar kellu jħallu l- ground bi spalltu żlugata.
Karius kien ilu jikkunsidra li jirtira hekk kif qatt ma ħafer lilu nnifsu għal dawk iż-żewġ żbalji li swew lil Liverpool, taħt il-manager Jurgen Klopp, milli jirbħu dan l-unur tant prestiġjuż.
Huwa għadda minn perjodu ta’ sitwazzjonijiet diffiċli psikoloġiċi u mentali hekk kif meta ismu kien jissemma’ fil-media kien isir hekk għal raġunijiet ħżiena meta kull darba tiġi mfakkra l-wirja tiegħu f’dik il-finali.