Thursday, December 26, 2024

Il-ġrajja tal-Griegi tkompli

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

Denzel Washington ikompli juri li n-nies iriduh hekk kif “The Equalizer 3” tela’ fil-quċċata tal-box office Amerikana fid-debutt tiegħu fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet. B’dħul ta’ $34.5 miljun, dan it-thriller sequel kellu dħul simili għall-ewwel tnejn.

Mal-bidu ta’ Settembru nistgħu ngħidu li ntemm l-istaġun tas-sajf għal dawk li huma films. Id-dħul f’dawn l-aħħar erba’ xhur jammonta b’kollox għal $4 biljun. Is-sorpriża kien “Barbie” b’dħul globali ta’ $1.36 miljun u wisq probabbli ser ikun il-film bl-akbar dħul għas-sena 2023 billi issa anke ssupera d-dħul ta’ “The Super Mario Bros. Movie”.

Għal dik li hi box office Amerikana ta’ tmiem il-ġimgħa, bejn it-tielet u l-ħames post insibu: “Blue Beetle”, “Gran Turismo” (li l-ġimgħa l-oħra kien fil-quċċata tal-box office Amerikana) u fil-ħames post “Oppenheimer”. B’kollox, dan il-film ta’ Christopher Nolan diġa qabeż iċ-ċifra $850 miljun.

My Big Fat Greek Wedding 3

F’Novembru tal-2002, meta ħareġ “My Big Fat Greek Wedding”, ħafna Maltin marru jarawh minkejja li fl-istess perjodu kien ħareġ l-ewwel film ta’ Harry Potter. Il-protagonista fl-ewwel film kienet Nia Vardalos, attriċi Kanadiża b’ġenituri Griegi.

Nia Vardalos kitbet l-iscript, tidderieġi u anke terġa taħdem il-parti prinċipali ta’ Toula f’“My Big Fat Greek Wedding 3”. Sa ċertu punt kienet sorpriża li ngħatat l-opportunitá li taħdem it-tielet film għax filwaqt li l-ewwel wieħed kien sorpriża għas-suċċess kbir li kellu f’ħafma pajjiżi, it-tieni wieħed li ħareġ fl-2016 kien bla ħajja u falla sew fil-box office. “My Big Fat Greek Wedding 3” hu ferm aħjar mit-tieni wieħed.

Dan is-sequel ġdid ikompli fuq l-istess formula fejn il-qofol tal-film huma d-differenzi fil-kulturi u fuq l-imħabba. Nia Vardalos qalet li l-ispirazzjoni għal dan il-film ħaditha mingħand Michael Constantine li deher bħala missier Toula fl-ewwel żewġ films. Michael Constantine miet fl-2021 imma qabel miet, ħeġġiġha li tagħmel sequel ieħor, jitilqu minn Chicago u jagħmlu reunion mal-familja Portokalos fil-Greċja.

Mal-wasla tagħhom fil-Greċja, Toula u l-familjari jibdew jiltaqgħu ma’ membri oħra tal-familja u ħbieb antiki.

Il-film għandu mumenti ħelwin. Flimkien ma’ fotografija mill-isbaħ ta’ Ateni u Korfu fejn sar il-filming, reċtar mhux ħażin u mużika allegra jagħmlu din il-kummiedja romantika divertenti.

Ħafna mill-kast oriġinali jirritorna f’dan il-film, li għalihom kienet ukoll reunion wara seba’ snin. Il-filming ma bediex bit-tajjeb. Żewġ opri tal-baħar ħabtu f’xulxin. Dawn l-opri tal-baħar kienu qed iġorru l-atturi, membri tal-kru u l-apparat. Waħda mid-dgħajjes anke inqalbet. Attur Grieg weġġa u kellu jittieħed l-isptar.

“My Big Fat Greek Wedding 3” hu kklassifikat 12A minħabba referenzi ħfief għas-sess.

Cobweb

F’dan il-film tal-orrur, in-narrattiva ddur madwar tifel ta’ 8 snin Peter (Woody Norman). Huwa jkun wieħed maqtugħ għalih waħdu, spiss vittma ta’ bullying fl-iskola. Matul il-lejl, jiġi mqajjem minn ħsejjes li donnhom ġejjin mill-ħajt tal-kamra tas-sodda.

Meta Peter iħabbat fuq il-ħajt, huwa jisma’ taħbit lura. Dan il-fatt iwerwru u jmur jiġri għand il-ġenituri tiegu. Il-ġenituri ma tantx jagħtu mportanza għal dan.

Meta l-għalliema ġdida ta’ Peter, Miss Devine (Cleopatra Coleman), tibda titħasseb fuq is-saħħa ta’ Peter, hi tmur d-dar tieghu. L-omm Carol (Lizzy Caplan) ma tantx tieħu gost b’din iż-żjara għal għarrieda u twaħħal f-immaġinazzjoni tat-tifel. Anke l-missier Mark (Anthony Starr) ma tantx juri ruħu interessat.

Fl-ewwel parti tal-film, id-direttur Samuel Bodin iġegħlna nibdew nissuspettaw li l-problema fil-ħajja ta’ Peter huma l-ġenituri tiegħu stess. Imbagħad jidaħħlulna ħafna dubju oħra.

Bħala film għandu xi mumenti tajba, minkejja l-oriġinalità hi nieqsa. L-akbar nuqqas hu li l-film mgħandux konklużjoni, qiesu id-direttur irid jgħidilna li dan il-film ikompli. Għaldaqstant, iħallik indifferenti.

“Cobweb” hu kklassifikat 15 minħabba xeni qawwija ta’ biża’, vjolenza, abbuż domestiku u lingwaġġ.

Ekonomija

Sport