Sunday, December 22, 2024

Il-Green Deal se jġib tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea

Il-Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummisjoni Ewropea f’Malta

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

Permezz tal-green deal, mhux biss ġewwa pajjiżna imma anke lil hinn, mhux se nibqgħu niddependu mill-użu tal-fjuwils fossili, iżda minflok se nkunu qegħdin nimxu għal enerġija rinovabbli.

Dan stqarru l-Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummisjoni Ewropea f’Malta Lorenzo Vella f’intervista ma’ dan is-sit, fejn sostna li l-istess green deal se jġib ukoll sitwazzjoni fejn fil-futur mhux tant ‘il bogħod, issir il-qalba minn karozzi li jaħdmu bil-petrol jew dijżil għall-elettriku.

Vella qal li dan kollu se jġib diversi titjib fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, bħal kwalità ta’ ħajja aħjar u anke titjib ambjentali. Żied jgħid li fl-istess ħin, il-green deal, hija strateġija tat-tkabbir ekonomiku jiġifieri qed nitbiegħdu minn industrija li qed tħammeġ u qed isir investiment f’industrija aktar nadifa, fosthom dik bir-riħ u bl-enerġija solari.

B’referenza għal l-Unjoni Ewropea minn aspett soċjali, Vella sostna li wieħed m’għandux jieqaf u jaħseb biss fuq il-pożittiv tal-fondi li jingħataw lil diversi pajjiżi, iżda rrimarka biex wieħed jiftakar li, hemm element li lanqas biss nafu li jkun ġej mill-Unjoni Ewropea.

Żied jgħid li dan huwa l-protezzjoni tal-konsumatur, li jipprovdi ċertu protezzjoni, fosthom il-kwalità tal-ikel. Qal ukoll; “Dawn hemm standards Ewropej li mhux ta’ kuljum nisimgħu fuqhom illi għandek liġi tal-protezzjoni tal-konsumatur jew li l-ikel illi qed nieklu jrid ikun garantit b’ċertu standards qabel jasal fuq il-platt tagħna”.

Meta mistoqsi dwar jekk kienx pass importanti li Malta tissieħeb fl-Unjoni Ewropea, Vella qal bħala individwu jista’ jara differenza kbira kif kienet il-ħajja f’Malta qabel ma daħlet fl-Unjoni Ewropea u issa. B’referenza għad-diskors li kienet tat il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, Vella qal li bosta huma dawk in-nies li jaraw l-avvanzi li pajjiżna u pajjiżi oħra għamlu meta daħlu fi sħab mal-Unjoni Ewropea.

Temm jgħid li Malta ngħatat diversi għajnuniet mill-Unjoni Ewropea permezz ta’ proġetti differenti li ġabu bidliet sostanzjali fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, fosthom toroq ġodda, skejjel ġodda, sptarijiet ġodda u saħansitra anke servizzi ġodda.

Ekonomija

Sport