Friday, May 10, 2024

Il-Gvern jitlob li jintervjeni fil-kawża li fetaħ il-PN dwar l-Isptarijiet

Aqra wkoll

Il-Gvern ta’ Malta, irrappreżentat mill-Kabinett, se jkun qiegħed jitlob li jintervjeni fil-kawża li fetaħ il-Partit Nazzjonalista dwar it-tliet sptarijiet. Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata mill-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard u s-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul. 

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Attard enfasizza li l-kawża li fetaħ il-Kap tal-Oppożizzjoni mhux biss hi kawża improponibbli, inammissibbli u legalment insostenibbli kif qal l-Avukat tal-Istat imma fil-fehma tal-Gvern hi wkoll perikoluża.

Dan għaliex, fi kliemu, qiegħda tattakka direttament il-prinċipji demokratiċi ta’ pajjiżna u r-rieda tal-poplu espressa b’mod b’saħħtu u inekwivoku fl-elezzjoni ġenerali, liema rieda wasslet biex il-partit politiku bl-akbar ammont ta’ siġġijiet fil-Parlament jifforma Gvern li huwa l-eżekuttiv ta’ dan il-pajjiż.

“Dak li l-Kap tal-Oppożizzjoni u l-partit tiegħu ma rnexxilhomx jiksbu bil-mezzi demokratiċi issa qed jittantaw jiħduh b’manuvrar legali imma żleali li jikkostitwixxi abbuż ta’ proċess ġudizzjarju,” qal il-Ministru Attard. 

Huwa rrimarka li għalhekk b’responsabbiltà, il-Kabinett iddeċieda li jkun jista’ jintervjeni f’dawn il-proċeduri b’tali mod li jipparteċipa u jkollu sehem attiv f’din il-kawża, iressaq id-difiża, il-provi u s-sottomissjonijiet tiegħu biex ikun protett l-interess nazzjonali kontra t-theddida fil-mod ta’ kif jitħaddem il-prinċipju tas-separazzjoni tal-poteri f’pajjiżna li l-Kap tal-Oppożizzjoni bl-azzjoni tiegħu qiegħed serjament jipperikola.

Il-Ministru Attard insista wkoll li l-kawża li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni hija perikoluża għaliex akkost li jimmina lill-Gvern, ġie jaqa’ u jqum mill-interess nazzjonali. “B’din il-kawża jaf li qed jippreġudika l-pożizzjoni ta’ Malta li l-Gvern ilu minn April li għadda jiddefendi f’arbitraġġ internazzjonali bl-assistenza tal-istess Avukat tal-Istat u ditti legali Maltin u internazzjonali. Dak li qed jagħmel il-Kap tal-Oppożizzjoni mhu xejn għajr li jservi ta’ spalla għal kawża ta’ Steward. Din hi ħsara li jrid iwieġeb għaliha.”

“Il-Gvern, għandu r-responsabiltà eżekuttiva tal-pajjiż. Din tinkludi numru ta’ doveri li jrid iwettaq inkluż x’passi għandhom jittieħdu biex jissalvagwardja l-interess nazzjonali fi kwistjonijiet bħal dik inkluż marbuta mal-isptarijiet,” tenna l-Ministru għall-Ġustizzja.

Huwa żied ifakkar li l-Qorti tal-Appell ma tat l-ebda awtorizzazzjoni, direzzjoni lill-Avukat tal-Istat sabiex imexxi b’xi azzjoni kontra xi ħadd, kif qed jgħid il-Kap tal-Oppożizzjoni b’ġurament. Għalhekk qal li huwa dmir kostituzzjonali u legali tal-Gvern li jkun kustodju tal-fiduċja u s-sovranita tal-poplu. Dan għaliex is-sovranità tal-poplu għandha tipprevali u għaliex l-ordinament ġuridiku ta’ pajjiżna hekk jipprovdi.

“Mhu se nħallu lil ħadd jipprova jagħmel ħsara lil pajjiżna b‘azzjoni li fl-aħħar mill-aħħar hi frivola, bla bażi u sempliċiment politikament motivata. Qed inkunu ċari li kull ħsara li se ssir b’din il-kawża min fetaħha se jkollu jwieġeb għaliha,” temm jgħid il-Ministru Attard.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul saħaq li issa għandna konferma ċara li l-Oppożizzjoni qed tipprova toħloq theddida serja lejn id-demokrazija ta’ pajjiżna u trid tagħmel fost oħrajn ballun politiku mill-Qrati tagħna. Qal li l-Oppożizzjoni titkellem ħafna dwar id-demokrazija però mbagħad għamlet dik li sejħilha bħala “l-akbar mossa politika anti-demokratika u perikoluża fl-istorja ta’ pajjiżna.”

Dr Ellul tenna li ma hemmx dubju li l-Oppożizzjoni mhux biss ma jinteressahiex mill-interess nazzjonali imma għall-partiġġjaniżmu lesta tagħmel kawżi perikolużi li huma bla preċedent u bla ebda bażi legali.

Sport