Monday, May 20, 2024

Iħebb għal Imħallef waqt li kienet qiegħda tagħtih is-sentenza

Aqra wkoll

Imħallef f’Nevada sfat attakkata minn raġel li qabeż għal fuqha waqt li din kienet qiegħda tagħtih is-sentenza. Kawża ta’ dan l-attakk, l-Imħallef Mary Kay Holthus waqgħet minn fuq is-siġġu u sofriet xi ġrieħi. 

Marixxall fil-Qorti li intervjena sabiex jgħin lill-Imħallef ukoll sofra xi ġrieħi u kellu jittieħed l-Isptar b’qasma f’rasu u bi spalltu maqlugħa. L-attakk seħħ għall-ħabta tal-11.00 a.m. fiċ-Ċentru Reġjonali tal-Ġustizzja ta’ Las Vegas. 

L-akkużat, Deobra Delone Redden ta’ 30 sena kellu jinżamm mill-ħaddiema tal-Qorti sakemm ġie arrestat u ttieħed fiċ-ċentru ta’ detenzjoni ta’ Clark County.

L-Avukat Richard Scow, li kien qed imexxi l-Prosekuzzjoni fil-każ kotra Redden li seħħ wara allegazzjonijiet li dan kien attakka persuna b’mazza tal-baseball, qal li l-attakk fuq l-Imħallef sar b’ħeffa kbira u li f’dik is-sitwazzjoni wieħed diffiċli jkun jaf x’se jaqbad jagħmel. 

L-Avukat Difensur ta’ Redden, Caesar Almase, ma weġibx għal kummenti li sarulu mill-midja. Redden ma kienx taħt kustodja tal-Pulizija meta deher għas-seduta fil-Qorti matul il-jum tal-Erbgħa. 

Huwa kien liebes flokk qmis bajda u qalziet skur waqt li kien ħdejn l-avukat tiegħu u talab lill-Imħallef għal ħniena. Huwa ddeskriva wkoll lilu nnifsu bħala persuna twajba lii dejjem tipprova tagħmel il-ġid. 

“Jiena m’iniex persuna ribelluża,” instema’ jgħid Redden meta kien qed jindirizza lill-Imħallef. Qal ukoll li ma jħossx li kellu jintbagħat il-ħabs, iżda jekk il-Qorti tara li huwa xieraq dan “għamel li għandek tagħmel.”

Hekk kif l-Imħallef għamlitha ċara li kellha l-intenzjoni li tibagħtu l-ħabs, u l-marixxall tal-Qorti mexa lejh biex jimmanettjah, Redden beda jgħajjat u ħareġ jiġri għal fuqha fost għajjat tan-nies li kienu preżenti fl-awla. 

F’Novembru li għadda, Redden, li huwa residenti Las Vegas, instab mentalment kompetenti sabiex jgħaddi ġuri qabel ma wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. Huwa kien ukoll għamel xi żmien il-ħabs f’Nevada fuq akkużi ta’ vjolenza domestika. 

Fi stqarrija, il-kelliema tal-Qorti Mary Ann Price qalet li l-uffiċjali kienu qed “jirrevedu l-protokolli kollha tagħhom u se jagħmlu dak kollu li hu meħtieġ biex jipproteġu l-ġudikatura, lill-pubbliku u anke lill-impjegati.”

Sport