Monday, December 2, 2024

Il-Gvern qed joffri vaċċin b’xejn kontra l-pnewmonja lill-anzjani

Aqra wkoll

Anki jekk il-każijiet tal-COVID u l-influwenza għadhom rikurrenti, il-pnewmonja pnewmokokkali, magħrufa aħjar bħala l-pulmonite, hija infezzjoni aktar baxxa fis-sider li toħloq riskji sinifikanti għas-saħħa fost l-anzjani, li s-sistemi immuni tagħhom ikunu ġeneralment inqas b’saħħithom. Bix-xitwa toqrob u bis-sistema tas-saħħa tagħna diġà mgħobbija żżejjed din hija inizjattiva importanti biex inħarsu s-saħħa tal-anzjani tagħna.

Il-Gvern Malti dan l-aħħar ħabbar l-akkwist ta’ madwar 40,000 doża ta’ Prevenar 20, vaċċin li jikkumbatti r-riskju tal-pnewmonja pnewmokokkali jew pulmonite. Dan il-vaċċin beda jingħata b’xejn il-21 ta’ Ottubru.

“Irridu li l-anzjani tagħna, dawk li jieħdu ħsiebhom u l-qraba tagħhom ikunu konxji li l-gvern issa qed joffri vaċċin importanti li jista’ jgħin biex iwaqqaf il-mewġa ta’ infezzjonijiet fis-sider li s-soltu jiżdiedu matul ix-xhur kesħin,” spjega l-ispiżjar Kenneth Briffa minn Vivian, il-kumpanija tas-saħħa u l-benessri li tipprovdi dan il-vaċċin.

Magħrufa wkoll bħala PCV 20, dan il-vaċċin jipprevjeni infezzjonijiet li jaffettwaw is-sistema respiratorja u ġie introdott bħala parti minn inizjattiva tas-saħħa preventiva għal dawk li għandhom 65 sena ‘l fuq, grupp identifikat bħala f’riskju akbar.

“Hemm potenzjali li l-infezzjonijiet fis-sider jogħlew u dan jista’ jkollu impatt qawwi fuq il-popolazzjoni vulnerabbli ta’ anzjani u huwa għalhekk li qed inħeġġu biex kemm jista’ jkun anzjani jikkunsidraw il-benefiċċji ta’ din it-tilqima, speċjalment minħabba ż-żieda aktar mis-soltu ta’ infezzjonijiet respiratorji li jkollna matul dawn ix-xhur,” żied is-Sur Briffa.

Prevenar 20 hija disponibbli mingħajr ħlas fiċ-ċentri kollha tas-saħħa f’Malta u tikkonsisti f’doża ta’ darba li tgħin biex tipproteġi lill-adulti minn 20 serotip ta’ batterji li jikkawżaw kemm pnewmonja pnewmokokkali kif ukoll mard pnewmokokkali invażiv.

Barra minn hekk, il-vaċċin Prevenar 20 joffri wkoll protezzjoni kontra batterji pnewmokokki li jistgħu jkunu reżistenti għall-antibijotiċi u li jistgħu iwasslu għal kumplikazzjonijiet severi.

Sa Jannar, l-awtoritajiet tas-saħħa mistennija li jkunu żiedu l-istock ta’ dan il-vaċċin għal iżjed minn 90,000 doża.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport