Waqt laqgħa konsultattiva dwar il-Budget 2027 fil-Berġa ta’ Kastilja mar-rappreżentanti tal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-Budget 2027 se jkun pass ieħor importanti biex il-viżjoni fit-tul għal Malta tissarraf f’aktar opportunitajiet għan-negozji u kwalità ta’ ħajja aħjar.
Il-Prim Ministru nnota li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet fuq żewġ oqsma importanti, dak tal-Budget nazzjonali għas-sena d-dieħla, kif ukoll l-Qafas Finanzjarju Pluriennali tal-Unjoni Ewropea għall-perjodu 2028-2034.
Huwa qal li, minkejja l-isfidi ġeopolitiċi internazzjonali, u ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija barra minn Malta, il-Gvern se jkompli jagħti s-sostenn meħtieġ f’setturi strateġiċi bħalma huwa dak tal-enerġija. Dan sabiex jinżammu prezzijiet stabbli għall-familji u n-negozji tagħna.
Dr Abela saħaq li n-negozji żgħar u medji mhumiex biss is-sinsla tas-Suq Uniku Ewropew, iżda wkoll pilastru ewlieni tal-ekonomija Maltija. Għaldaqstant, minkejja s-sitwazzjoni internazzjonali u ġeopolitika turbolenti, il-Gvern se jippreżenta Budget li jkompli jagħti direzzjoni ċara, kuraġġ u fiduċja, filwaqt li jsaħħaħ is-sens ta’ pożittività u jkompli jsostni ekonomija li qed tikseb ir-riżultati pożittivi.
Huwa saħaq li ekonomija dejjem aktar b’saħħitha u kompetittiva titlob ippjanar fit-tul, li jħares lil hinn mill-ħtiġijiet immedjati tal-lum, kif ukoll deċiżjonijiet li jkomplu jsaħħu s-sostenibbiltà u joħolqu l-inċentivi meħtieġa għat-tkabbir sostenibbli. Huwa sostna li, kif dan il-Gvern ta s-sostenn meħtieġ fi żminijiet diffiċli, fosthom matul il-pandemija, hekk se jkompli jagħmel, b’aktar saħħa, fil-futur.
Dr Abela enfasizza t-transizzjoni diġitali bħala waħda ċentrali biex l-intrapriżi jkomplu jikbru u jsiru dejjem aktar innovattivi. Huwa għamel referenza għal diversi inizjattivi u skemi intiżi biex jinkoraġġixxu l-investiment fid-diġitalizzazzjoni, fl-awtomazzjoni, fl-intelliġenza artifiċjali u fir-riċerka u l-iżvilupp. Spjega li dawn għandhom l-għan li jgħinu lin-negozji jżidu l-produttività u jsaħħu l-kompetittività tagħhom, mhux biss f’pajjiżna imma anke lil hinn. Huwa żied jgħid li l-investiment fit-teknoloġija jrid jimxi id f’id mal-investiment fil-ħaddiema.
Fil-fatt, Dr Abela nnota li sal-lum madwar 40,000 persuna rreġistraw għall-inizjattiva AI għall-Kulħadd, filwaqt li 23,000 diġà temmew it-taħriġ b’suċċess, u qed jingħataw il-liċenzja mingħajr ħlas ta’ software tal-AI.
Huwa temm jgħid li kif sar fl-ewwel 100 jum, il-Gvern se jkompli jaħdem bl-istess determinazzjoni u ritmu, biex il-Budget 2027 ikun pass ieħor lejn intrapriżi dejjem aktar b’saħħithom u ħajja ta’ kwalità għall-poplu Malti u Għawdxi.
Min-naħa tagħhom, ir-rappreżentanti tal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji ppreżentaw lill-Prim Ministru dokument b’numru ta’ proposti msejsa fuq ħames pilastri ewlenin, fosthom l-investiment u l-konformità, il-governanza u l-kompetizzjoni ġusta, il-produttività mmexxija minn politiki sodi, l-enerġija u r-riżorsi, kif ukoll it-trasport u l-mobbiltà.
Huma għamlu referenza wkoll għad-deċiżjoni mħabbra fil-Kabinett miftuħ bit-tema ‘100 Jum bis-Saħħa Tiegħek’, b’rabta mat-tnaqqis fit-taxxa fuq it-trasferiment tan-negozji bejn membri tal-familja, li se tonqos minn 5% għal 1.5%. Ir-rappreżentanti ddeskrivew din id-deċiżjoni bħala waħda pożittiva, li se tkompli tagħti sostenn lin-negozji sabiex ikomplu jinvestu u jikkontribwixxu għat-tkabbir tal-ekonomija Maltija.
Huma rringrazzjaw ukoll lill-Gvern għall-appoġġ kontinwu li ngħata lin-negozji matul is-snin, inkluż fi żminijiet diffiċli bħall-pandemija, permezz ta’ miżuri bħas-sussidju fuq il-pagi tal-ħaddiema.
Fl-istess waqt, saħqu li jħarsu ’l quddiem biex ikomplu jsaħħu d-djalogu miftuħ u l-kollaborazzjoni mal-Gvern, b’ħidma komuni favur il-prosperità, it-tkabbir ekonomiku u l-ġid tal-pajjiż u taċ-ċittadini.
Għal din il-laqgħa kien hemm preżenti ukoll id-Deputat Prim Ministru Ian Borg, il-Ministri Silvio Schembri, Miriam Dalli, Clyde Caruana, Jo Etienne Abela, Chris Bonett, Alison Zerafa Civelli u Keith Azzopardi Tanti, id-Deputati Rebecca Buttigieg u Ray Abela, kif ukoll il-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Mark Mallia.
