Saturday, May 4, 2024

Il-GVERN ŻAMM IL-WEGĦDA 

Aqra wkoll

Nhar l-Erbgħa l-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet, Silvio Schembri, bagħat lill-Kumitat Permanenti dwar il-Kontijiet tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, fi ħdan il-Parlament ta’ Malta, żewġ riżoluzzjonijiet u dokumentazzjoni oħra dwar ftehimiet mal-American University of Malta (AUM) u SmartCity Malta. 

Il-pass li ttieħed mill-Gvern fuq il-ftehim li kien hemm mal-AUM għandu rilevanza sinjifikanti. Dan kien sinjal importanti min-naħa tal-Gvern li dak li wiegħed il-Prim Ministru Robert Abela qabel l-elezzjoni, ftit wara li ħabbar li l-proġett tal-yacht Marina f’Wied il-Għajn mhux se jsir, ma kienx biss kliem fieragħ. Ma kienx biss stunt elettorali, imma, li verament qiegħed iwettqu. 

Messaġġ li qiegħed jibgħat sinjal ċar li, filwaqt li l-Gvern qiegħed jibqa’ jisħaq fuq l-importanza tal-iżvilupp ekonomiku u kummerċjali ta’ pajjiżna, filwaqt li dan huwa Gvern li jibqa’ jara li jiġbed lejn Malta investiment barrani, dan m’għandu qatt ikun ta’ detriment għall-ġustizzja socjali. Tassew, għax f’inqas minn mitt jum, il-Gvern ħa l-azzjoni kollha meħtieġa biex jibda l-proċess ħalli art verġni fiż-Żonqor tibqa’ mhux mittiefsa, art fil-Kottonera li kellha tinbena mill-AUM se tingħata lura lin-nies. 

Messaġġ li permezz tiegħu qiegħda ssir ġustizzja soċjali billi l-art fiż-Żonqor rinunzjata lura lill-Gvern se tkun parti mill-Park Nazzjonali tal-Inwadar, filwaqt li l-art li se tingħata lura lill-poplu f’Bormla se tara proġett ta’ tisbiħ u n-Nofsinhar ta’ Malta se jkompli jgawdi minn investiment u ħolqien ta’ impjiegi.

Messagg ċar li permezz tiegħu l-Gvern qiegħed itenni li dan huwa gvern li jaġġixi u li jatwa dak li jgħid. Fuq kollox, dan huwa gvern li jħaddan bil-fatti l-prinċipju li Malta tiġi l-ewwel u qabel kollox. Li l-poplu Malti jiġi l-ewwel u qabel kollox.

Sport