Wednesday, April 24, 2024

Il-gwerra fl-Ukrajna tikkomplika ruħha

Aqra wkoll

Il-gwerra li bdiet 15-il xahar ilu bl-invażjoni Russa tal-Ukrajna jidher li se tkompli tikkomplika ruħha u t-tama għall-paċi tkompli dejjem titbiegħed. Dan jidher hekk kif partijiet mit-territorju Russu fir-reġjun ta’ Belgorod fuq il-fruntieri mal-Ukrajna ġew attakkati nhar it-Tnejn f’wieħed mill-akbar rejds transkonfinali minn meta r-Russja invadiet lill-ġar tagħha s-sena l-oħra.

Ir-Russja ħarġet ritratti ta’ vetturi militari tal-Punent abbandunati jew bil-ħsara, inklużi Humvees magħmulin mill-Istati Uniti li x’aktarx intużaw f’dan l-attakk. L-Istati Uniti, min-naħa tagħha, filwaqt li ċaħdet li kellha x’taqsam ma’ dan l-attakk saħqet li ma inkoraġġitx jew ippermettiet l-attakki ġewwa r-Russja.

Matthew Miller, kelliem tad-Dipartiment tal-Istat Amerikan irrikonoxxa rapporti li ċċirkolaw fuq il-midja soċjali u bnadi oħra li kienu ntużaw armi fornuti mill-Istati Uniti, iżda qal li pajjiżu kien xettiku dwar il-veraċità ta’ dawn ir-rapporti. Meta kellem lill-membri tal-istampa nhar it-Tlieta, Miller sostna li huwa f’idejn l-Ukreni li jiddeċiedu kif iwettqu din il-gwerra.

Irħula qrib il-fruntiera kellhom jiġu evakwati wara li Belgorod ġie attakkat. Ir-Russja min-naħa tagħha qalet li f’dan l-attakk inqatlu 70 persuna li insistiet kienu ġellieda Ukreni. Iżda l-Ukrajna ċaħdet l-involviment tagħha ​​fl-istess waqt li żewġ gruppi paramilitari Russi li jopponu l-President Russu Vladimir Putin qalu li kienu huma wara l-attakk. Wieħed mill-gruppi paramilitari saħasitra qal li kien għadu jikkontrolla biċċa żgħira mit-territorju Russu.

Fi żvilupp aktar tard, it-Tlieta filgħaxija Belgorod reġa’ kien attakkat mill-ġdid minn drone li spara apparat splussiv. Stqarrijiet maħruġa miż-żewġ naħat fil-gwerra ma ġewx verifikati b’mod indipendenti – għalkemm ġie stabbilit li bini użat mill-aġenzija tas-sigurtà ewlenija tar-Russja, l-FSB, kien fost dawk milquta waqt l-attakk.

F’kumment dwar l-ostilitajiet f’Belgorod, il-Ministeru tad-Difiża tar-Russja qal li formazzjoni nazzjonalista Ukrena invadiet it-territorju tagħha biex twettaq attakki.
Wieħed mir-ritratti wera vettura mġarrfa bil-kliem ‘għal Bakhmut’ miktuba bir-Russu fuqha, referenza għall-belt Ukrena li r-Russja tgħid li reċentement rebħet u qed tikkontrolla, asserzjoni li l-Ukrajna qed tiċħad kompletament.

Posts fuq il-midja soċjali miż-żewġ gruppi paramilitari kkonfermaw l-involviment tagħhom u qalu wkoll li kienu qed joħolqu żona demilitarizzata fuq il-fruntiera mal-Federazzjoni Russa li minnha r-Russja mhux se tkun tista tispara fuq l-Ukrajna.

Kwalunkwe attakki fuq art Russa joħloq tensjoni fost il-mexxejja tal-alleanza militari tal-pajjiżi tal-Punent – in-NATO. Imma l-inkursjoni transkonfinali tista’ tkun imbarazzanti wkoll għal Moska biex b’xi mod tikkumpensa għal għajdut li allegatament qed titlef il-kontroll ta’ Bakhmut wara xhur ta’ ġlied intens u mdemmi.

L-armi li jwasslu fit-tul li l-pajjiżi tal-Punent ipprovdew lil Kyiv – għalkemm ma ntużawx f’dan l-attakk – xorta għadhom ikkundizzjonati li ma jintużawx biex jolqtu miri fuq art Russa. Minkejja ċaħdiet uffiċjali minn Kiev, huwa diffiċli li wieħed jemmen li dan ir-rejd tnieda mingħajr għajnuna mill-intelliġenza militari Ukrena.

Dan il-fatt jista’ jilgħab fin-narrattiva tal-Kremlin li s-sigurtà sovrana tar-Russja stess hija taħt attakk minn forzi appoġġjati mill-Punent.

Sport