Saturday, May 4, 2024

Il-gwerra u l-vjolenza mhux is-soluzzjoni

…Ma tistax ittemm il-mibegħda billi tuża l-mibegħda

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Imwiet jinbidlu bis-sigħat. Dejjem telgħin. Tfal. Familji sħaħ. Kunflitt fil-lvant nofsani li qiegħed joħloq aktar vittmi. Kellna l-attakki minn naħa tal-Ħamas, li ħallew ammont ta’ vittmi fuq in-naħa Iżraeljana u wara bdiet reazzjoni minn naħa l-oħra b’dikjarazzjoni li Iżrael jinsab fi gwerra.

Fis-17-il jum tal-kunflitt 5,087 persuna maqtulin, 14,000 feruti f’Gaża. Fit-18-il jum, 5,791 maqtulin. 16,297 feruti. L-għada fid-19-il jum tal-kunflitt, 6,546 maqtulin. 17.439 feruti.

Dawn hu parti mir-riżultat ta’ dan il-kunflitt. Ma’ dan hemm it-trawmi kawżati fit-tfal Palestinjani. Tfal li rajna l-filmati tagħhom imwerwrin wara li kienu salvati mit-tifrik. Jirtgħodu. Ma jifilħux jitkellmu. It-trawma ta’ l-ommijiet u missirijiet li tilfu lil uliedhom. Id-dehra tkexkxek ta’ tfal iħarsu lejn il-ġenituri tagħhom bla ħajja f’ringiela ta’ vittmi bla ħajja. Ma’ dan oħrajn ibatu minn nuqqas ta’ ikel.

L-ilma, trid tmur titkarrab u tistenna għalih. Sptarijiet li jinsabu f’punt li kważi kważi lanqas jistgħu jiffunzjonaw. U f’din il-gwerra, lanqas ir-refuġjati fil-kamp ta’ Al Shati ma’ ħelsuha, fejn b’attakk fih tħallew ħafna vittmi.

U waqt li qegħdin naraw din it-traġedja umana, naraw pajjiżi tal-Punent siktin quddiem din il-kriżi. Oħrajn juru appoġġ lil naħa jew lil oħra. Oħrajn jagħmlu dikjarazzjonijiet ambigwi li ma jwasslu imkien. U sadanittant il-kunflitt jibqa’ għaddej.

Tibda tisma’ min jgħid li għandha raġun naħa u min jgħid li n-naħa l-oħra għandha raġun. Min jgħid l-art hi tal-Lhud u min jgħid l-art kienet tal-Palestinjani. L-argumenti qegħdin isiru ukoll dwar min beda l-kunflitt. Min spara l-ewwel. Oħrajn jargumentaw li hemm min kompla wara l-ewwel attakk u qed jagħmel attakk proporzjonat.

Oħrajn jargumentawlek li l-ewwel attakk sar għax il-poplu Palestinjan ilu snin oppressat. Ilu snin jgħix f’ħabs. U din hi proprju parti mill-problema. L-argument m’għandux ikun fuq min beda jew min kompla. L-argument m’għandux ikun fuq il-gwerra. Għax ejja ngħiduha kif inhi, din mhix gwerra.

Dak li qegħdin nesperjenzaw aktar jixbaħ lil ġenoċidju. Attakk wara attakk li fih il-vittmi huma persuni ċivili fosthom tfal. L-attakki mhumiex fuq xi bażi militari imma huma żoni residenzjali…djar ta’ persuni ċivili. X’jaħtu dawn għal attakki li twettqu minn grupp militanti? Il-vittmi Lhud x’jaħtu għal okkupazzjoni li wettaq il-Gvern Iżraeljan?

Il-gwerra u l-vjolenza mhux is-soluzzjoni

Il-kunflitt fil-lvant nofsani issa ilu għaddej. Kunflitt fejn minkejja soluzzjonijiet preżentati, il-paċi tant mistennija qatt ma waslet. Quddiem il-ħruxijiet li qegħdin naraw f’dan il-kunflitt, jispikka b’mod ċar ħafna għal min irid jifhem li kunflitt militari mhu se jsolvi xejn.

Dan il-kunflitt u t-tbatija li qed joħloq, it-trawmi li qed jikkawża fost dawk it-tfal żgħar u fost iż-żgħażagħ, faċilment iwassal biex jixxettell aktar l-estremiżmu. Il-militantiżmu. Li jfisser dan hu aktar kunflitt imdemmija fil-futur. Aktar vittmi ċivili. Faċli tgħid li se ssir operazzjoni mill-art biex jinqered l-estremiżmu, biex jinqerdu l-Hamas. Fir-realtà imma dan se jseħħ? Min se jemmen li operazzjoni militari se teqred il-militanti u wara ma jinħolqux oħrajn.

Minn gwerra m’hemmx rebbieħa…ir-reżistenza non vjolenti x’ġara minnha?

Hi ħasra li meta nitkellmu fuq kunflitti, l-argumenti li jsiru dejjem huma marbutin mal-bżonn li ssir gwerra. Li jsiru l-attakki. Li ssir invażjoni. Biex ikollna lil xi ħadd li ngħidu li rebaħ u lil xi ħadd li tilef. Fir-realtà minn gwerra m’hemmx rebbieħa. Hemm biss telliefa. Igawdu biss dawk li jipproduċu l-armi. Mill-bqija, gwerra toffri biss telf qerda.

Lil hinn minn dan ftit li xejn nitkellmu fuq reżistenza non vjolenti. Reżistenza ċivili. Rajniha ssir diversi drabi f’postijiet differenti. Rajniha ukoll tħalli r-riżultati.
Ir-reżistenza non vjolenti hi prattika li permezz tagħha gruppi ta’ nies jipprovaw jagħmlu kisbiet jew bidliet soċjali bi protesti simboliċi. Jew b’diżubbidjenza ċivili. Tista’ ssir b’nuqqas ta’ koperazzjoni politika u ekonomika. Prattikament f’dawn l-azzjonijiet imma ma tintuża l-ebda vjolenza.

Wieħed minn dawk li mexxa l-kunċett ta’ reżistenza non vjolenti kien proprju Mahatma Gandhi. Dan kien il-bniedem li mexxa lill-Indja għall-Indipendenza u għamel dan mingħajr tixrid ta’ demm, mingħajr vjolenza. Kellek ukoll bejn is-sena 1989 u s-sena 1991 ir-rivoluzzjoni fl-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja.

Hemmhekk ukoll kellek movimenti sħaħ li wettqu reżistenza non vjolenti.
Aktar riċenti proprju fis-sena 2003 kien hemm dik li ssejħet ir-Rose Revolution fil-Georgia. Kellna ukoll personaġġi li wettqu reżistenza non vjolenti u li ħalliet ir-riżultati fosthom Nelson Mandela, Lech Walesa, Vaclav Havel u Martin Luther King fost oħrajn.

Ir-rivoluzzjoni tal-kant fl-Estonja…wasslet għal Indipendenza

Proprju ftit snin ilu, kienet seħħet dik li ssejħet ir-rivoluzzjoni tal-kant. Rivoluzzjoni li ġibdet lejha ammont kbar ta’ nies u li finalment ukoll kienet wasslet biex l-Estonja ħadet l-Indipendenza.

Bien f’Settembru tas-sena 1988, meta ġie organizzat festival kbir f’Talinn. Kien festival li fih ipparteċipaw madwar 300,000 persuna, li jfisser li kien kważi kwart tal-popolazzjoni tal-Estonja. Il-mexxejja politiċi tal-Estonja kienu preżenti ukoll u kien proprju hemm li bdew l-ewwel sejħiet għall-Indipendenza. F’dan il-festival tkantaw kanzunetti folkloristiċi Estonjani.

Anke l-Partit Kommunista kien ingħaqad ma’ partiti fl-Oppożizzjoni u beda jsejjaħ għal aktar awtonomija. Il-Gvern Estonjan kien għadda dikjarazzjoni ta’ sovranità f’Novembru. L-attiviżmu kiber u diversi uffiċjali tal-Partit Kommunista kienu ukoll ħarġu favur l-Indipendenza.

F’Awwissu tas-sena 1989, eżattament fil-ħamsin anniversarju mindu l-Unjoni Sovjetika ħadet f’idejha l-Istati Baltiċi tal-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja, madwar 700,000 persuna mill-Estonja ingħaqdu ma’ nofs miljun persuna mil-Latvja u mil-Litwanja u għamlu dik li ssejħet il-‘Baltic Chain’. Dak il-jum kien ġie dikjarat bħala vaganza pubblika.

Fis-sentejn ta’ wara komplew il-protesti paċifiċi, li finalment wasslu biex l-Unjoni Sovjetika bagħtet għadd ta’ tankijiet tal-gwerra lejn l-Estonja bil-għan li twaqqaf il-protesti. L-Estonjani dawwru l-istazzjon tar-radju u t-televiżjoni fi protesti bla ebda vjolenza u finalment il-pajjiż ħa l-Indipendenza hekk kif ir-Russi aċċettaw l-indipendenza.

Li tattakka persuni ċivili, kemm fuq naħa u kemm fuq oħra hu ħażin

Fil-kunflitt fil-lvant nofsani rajna kemm naħa u kemm oħra, jattakkaw persuni ċivili. Anzi f’dan il-kunflitt, tista’ tgħid li l-vittmi fil-parti kbira tagħhom kienu persuni ċivili. U waqt li ilna mill-ewwel ġimgħa ta’ Ottubru nesperjenzaw il-qtil ta’ vittmi innoċenti, id-dinja fosthom il-pajjiżi tal-Punent b’baqgħu b’reazzjoni dgħajfa ħafna.

Xi drabi ma jaqblux bejniethom x’azzjoni għandhom jieħdu

Kellna per eżempju il-laqgħa tal-grupp tas-Soċjalisti Ewropej proprju ftit jiem ilu, li fid-dikjarazzyoni finali il-kunflitt fil-lvant nofsani ma ssemmiex. Dan seħħ għax ma kienx hemm qbil.

Hi ħasra li f’dan il-kunflitt kemm naħa u kemm oħra huma tal-fehma li jistgħu jiksbu dak li qegħdin jiġġieldu għalih, jew jiddefendu ruħhom, b’azzjonijiet militari. Bl-armamenti. Billi jisparaw il-missili.

Hu ċar li dan ma wassal imkien, anzi wassal biss għal qerda ta’ ammont kbir ta’ ħajjiet ta’ persuni innoċenti fosthom tfal. M’hemm ebda dubju li soluzzjonijiet jeżistu. Jekk inħarsu lejn dak li ġara fis-sena 1988, fl-Afrika t’Isfel, wieħed faċilment jista’ jara kemm movimenti non vjolenti jistgħu jwasslu biex finalment isseħħ il-paċi.

Min jiftakar x’kien jiġri fl-Afrika t’Isfel fit-tmeninijiet jaf kif il-militantiżmu kien qed iwassal għal tqegħid ta’ bombi b’mod regolari. Bombi li kienu jitpoġġew f’ristoranti, f’kumplessi ta’ ħwienet, attivitajiet sportivi u f’attivitajiet oħra fejn ikun hemm persuni miġburin. Il-vittmi anki hawn dejjem kienu persuni ċivili.

Ġara iżda li, fost dawk li kienu qegħdin imexxu l-ġlieda kontra l-Bojod fl-Afrika t’Isfel għal mod kif persuni suwed kienu trattati, iddeċidew li jibdlu l-mod tagħhom f’din il-ġlieda.

Għamlu bidla totali u f’direzzjoni opposta. Abbandunaw il-militantiżmu. Mhux biss imma aċċettaw ukoll responsabbilità għal dawk l-atti li kienu twettqu u ħallew ammont ta’ vittma.

L-African National Congress mhux biss għamlet dan, imma hi ddikjarat li kienet se tippreveni l-ġellieda tagħha milli jwettqu operazzjonijiet u atti bħal dawn fil-futur. Kienu għamlu dikjarazzjoni, li hi importanti ħafna. Dikjarazzjoni li llum donnha intesiet. Dikjarazzjoni li tgħodd prattikament għal kull kunflitt.

Kienu qalu li jiġu attakki persuni ċivili hu ħażin. “Il-moralità tagħna bħala rivoluzzjonarji se tkun dik li nirrispettaw il-valuri umani fi gwerra”.
Prattikament dakinhar l-African National Congress kien ħa pass storiku. Pass li jekk wieħed jimxi fuqha jista’ jkun iċ-ċavetta biex ħafna kunflitti jintemmu. Minn hemm l-quddiem il-ġlieda għall-ugwaljanza fl-Afrika t’Isfel ħadet triq oħra.

Triq li uriet li reżistenza paċifika tista’ tikseb dak li bil-militanza qatt ma tista’ tikseb. Kienet triq li wasslet biex il-qasam internazzjonali beda jħares b’mod differenti lejn l-Afrika t’Isfel u l-ġlieda li kienet għaddejja għall-ugwaljanza. Ir-reżistenza non vjolenti kienet wasslet għal appoġġ internazzjonali.

Is-sitwazzjoni f’Gaża llum hi tista’ tgħid li hi l-kuntrarju. Il-Ħamas u l-militantiżmu tiegħu bl-attakki bla preċedenti li twettqu, għamlu ħsara rreparabbli lill-kawża Palestinjana u li din se jkollha bżonn ammont ta’ żmien biex ittaffi l-effett tagħha.
Quddiem dak imwettaq kemm minn naħa u kemm minn naħa oħra, jista’ jiġi miġġieled biss billi l-popli taż-żewġ naħat jopponu l-militanza u l-militariżmu.

Quddiem dak imwettaq u quddiem l-atroċitajiet li rajna, hemm bżonn li l-Palestinjani jopponu attakki fuq persuni ċivili Iżraeljani. Ma’ dan imbagħad hemm bżonn li persuni ċivili Iżraeljani jappoġġjaw lill-Palestinjani meta dawn jirreżistu l-oppressjoni li qed issir fuqhom b’metodi umani u non vjolenti.

Fis-sitwazzjoni preżenti dan mhux faċli li jsir, għax il-qasam u l-mibegħda tant hi kbira, li min jaġixxi hekk se jidher ikrah ma’ sezzjonijiet sħaħ tal-popolazzjoni. Is-soluzzjoni għal kunflitt li ilu jkarkar fil-lvant nofsani tista’ tinstab jekk iż-żewġ popli, jinfatmu darba għal dejjem, mill-militantiżmu u l-militariżmu. U dan għax kif kien jgħid Mahatma Gandhi, “nemmen li hu impossibli li ttemm il-mibegħda billi tuża il-mibegħda”.

Sa l-44 jum tal-kunflitt…..16,413 maqtulin

….6,911 tfal….33,000 feruti….1.6 miljun kellu jitilqu minn djarhom

U sa l-44 jum tal-kunflitt, jiġifieri 19 ta’ Novembru, naraw li f’dan il-kunflitt inqatlu 16,413 Palestinjan. Minn dań hemm 6,911 tfal, 3,640 nisa. Hemm 33,100 feruti. Inqatlu 54 ġurnalist. Hemm 1.6 miljun li kellhom iħallu djarhom. 249 skola sofrew ħsarat. 124 faċilità medika intlaqtu, b’206 imwiet ta’ presumi mediċi.

Sport