Tuesday, December 24, 2024

Il-GWU tal-fehma li l-care workers tal-privat b’kundizzjonijiet tax-xogħol atipiċi għandhom jingħataw l-In-Work Benefit

Aqra wkoll

Il-politika tal-Gvern qed tħaddan li tinċentiva n-nies sabiex jidħlu fid-dinja tax-xogħol u jitjieb id-dħul għall-familji. Fost id-diversi inċentivi hemm dik tal-In-Work Benefit għall-ħaddiema atipiċi.

Skema li ħarġet għall-ħaddiema li jaħdmu fil-privat bix-xift, fi tmiem il-ġimgħa jew wara s-sitta ta’ filgħaxija u li l-paga bażika tagħhom ma teċċedix l-€20,000 fis-sena, u għalhekk permezz ta’ din l-iskema dawn il-ħaddiema qed jibbenefikaw minn €150 fis-sena.

L-iskema tispeċifika li l-ħaddiema eleġibbli huma dawk li jaħdmu fis-setturi tal-akkomodazzjoni u servizzi tal-ikel, is-servizzi amministrattivi u ta’ sapport, il-manifattura, it-trasport u l-ħażna, u l-wholesale u r-retail.

Numru ta’ care workers tal-privat huma ħaddiema atipiċi li jaħdmu skont kif inhu stipulat fl-iskema tal-In-Work Benefit. Madankollu, sfortunatament, is-settur tas-saħħa u kura għall-anzjani ma ġiex inkluż f’din l-iskema u dan ifisser li numru ta’ ħaddiema ġew esklużi. Dan iwassal għal nuqqas ta’ titjieb fid-dħul tal-familji.

Il-General Workers’ Union (GWU) hi tal-fehma li dawn il-ħaddiema wkoll għandhom jiġu stmati bħal ħaddiema atipiċi oħrajn u jkunu inklużi f’din l-iskema. Għal daqstant il-GWU Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi talbet kjarika u laqgħa mal-Ministru ikkonċernat sabiex tinnegozja l-proposta tagħha.

Ekonomija

Sport