Wednesday, July 24, 2024

Il-GWU tiffirma Ftehim Kollettiv mal-PBS għal 5 snin

Aqra wkoll

Ġie ffirmat b’suċċess Ftehim Kollettiv ġdid bejn it-Taqsima Professjonisti, Finanzi, u Servizzi tal-General Workers’ Union u l-PBS. Dan il-ftehim jiggarantixxi firxa ta’ benefiċċji għall-ħaddiema għas-snin 2024-2028.

Riccarda Darmanin, is-Segretarju tat-Taqsima, estendiet l-apprezzament sinċier tagħha lil dawk kollha involuti fin-negozjati.

“Nirringrazzja lill-partijiet konċernati għas-sens ta’ rieda tajba li wrew waqt in-negozjati u b’hekk kienu konklużi għas‑sodisfazzjon taż‑żewġ naħat. Fosthom inrodd ħajr lir-rappreżentant tal-ħaddiema Anthony Dimech li kien katalist waqt dan il-Ftehim, kif ukoll lill‑membri għas‑support li jagħtu lill‑GWU,” qalet Riccarda Darmanin.

“Dan huwa ftehim għal matul dawn il-ħames snin li jkopri 126 ħaddiem. Ftehim li fost oħrajn se joffri skali ġodda ta’ pagi, l-introduzzjoni ta’ flessibilità fil-ħinijiet tax-xogħol, ħlas ta’ sostituzzjoni, opportunitajiet ġodda ta’ promozzjonijiet kif ukoll proċess ta’ dixxiplina aktar ġust.”

L-iffirmar tmexxa mis-Segretarju tat-Taqsima tal-GWU Riccarda Darmanin, ir-rappreżentant tal-ħaddiema Anthony Dimech, il-Kap Eżekuttiv tal-PBS Mark Sammut u ċ-Chief Operations Officer Charles Dalli.

Ekonomija

Sport