Wednesday, July 24, 2024

Investiment biex isiru aktar CT scans għall-kura tal-kanċer u mard tal-qalb

Aqra wkoll

Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela ħabbar li b’investiment ta’ €400,000, sal-aħħar ta’ din is-sena madwar 3,000 CT scan se jkunu qed jiġu amministrati lill-pazjenti b’mard tal-kanċer u tal-qalb fl-Isptar Mater Dei u l-Isptar Ġenerali f’Għawdex.

“L-għan primarju ta’ dan l-investiment hu li għalina l-pazjent dejjem jiġi l-ewwel u qabel kollox. Din l-inizjattiva ser tkun qed isir grazzi għall-ħidma tal-professjonisti radjologi u radjografi li jaħdmu fl-Isptar Mater Dei u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex,” saħaq il-Ministru Abela.

Il-Ministru spjega kif fil-preżent fl-Isptar Mater Dei jsiru madwar 150 CT scan kuljum permezz ta’ tliet CT scanners. Filwaqt li fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex isiru madwar 150 CT scan fil-ġimgħa permezz ta’ CT scanner. Għaldaqstant sostna kif għaddejja ħidma favur espansjoni fl-infrastruttura tas-CT scanning f’pajjiżna, hekk kif scanners ġodda huma ppjanati fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex, f’San Vinċenz de Paul u aktar ’il quddiem fiċ-Ċentru Ċensu Moran.

“Apparti l-investiment li qed nagħmlu fit-teknoloġija, qed ninvestu wkoll fir-riżorsa umana li nafu kemm iwettqu xogħol siewi u bla heda biex joffru servizz ta’ kura tal-ogħla kwalità,” sostna l-Ministru Abela.

Il-Ministru sostna li l-istrateġija tal-Gvern hija sinonima ma’ dik tal-WHO, fejn qed isir enfażi sabiex kura preventiva u dijanjosi f’waqtha twassal għal kura tal-mard fi stadju bikri. Filwaqt li rringrazzja lill-professjonisti tax-xogħol essenzjali tagħhom, il-Ministru faħħar l-impenn li jieħdu l-professjonisti biex ikomplu jżidu n-numru ta’ CT scans li jamministraw sabiex tiġi indirizzata il-lista ta’ stennija. “Il-Gvern kommess li jkompli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja u jagħti servizz tal-ogħla kwalità li jixraq lill-poplu Għawdxi u Malti”, temm jgħid il-Ministru Jo Etienne Abela.

Ekonomija

Sport