Friday, March 1, 2024

Il-GWU tilqa’ l-ħidma biex tissaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-General Workers’ Union laqgħet ix-xogħlijiet li għaddejjin u dawk ippjanati sabiex tissaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku bħala parti mill-pjan aċċellerat ta’ tisħiħ infrastrutturali. Fil-fatt, l-Enemalta ħabbret li fis-sitt xhur li ġejjin se jkunu qegħdin jitqiegħdu aktar minn 70 kilometru ta’ cables ġodda taħt l-art wara li ġew identifikati żoni speċifiċi li jirrikjedu domanda għolja.

Il-Ħamis li għadda, waqt laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD), l-imsieħba soċjali kienu aġġornati dwar il-pjanijiet tekniċi u ta’ investiment li huma immirati sabiex isaħħu l-infrastruttura tal-elettriku f’Malta u Għawdex. Preżenti għal-laqgħa kien hemm ukoll il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli u ċ-Ċermen Eekuttiv ta’ Enemalta, l-Inġ. Ryan Fava.

Ġie spjegat kif din l-estensjoni ta’ ‘l fuq minn 70 kilometru fis-sistema tad-distribuzzjoni se żżid aktar konnessjonijiet alternattivi bejn partijiet differenti tan-network, biex meta jinqalgħu diffikultajiet tkun tista’ tagħti lura l-provvista f’inqas ħin. Sadanittant, is-sena d-dieħla l-kumpanija se tkompli twettaq il-pjan ta’ sitt snin tagħha, b’45 substation ġdida u t-tisħiħ ta’ ħafna oħrajn eżistenti, b’aktar feeders 400/230V ġodda.

L-imsieħba soċjali apprezzaw l-ispjegazzjonijiet u l-impenji dettaljati filwaqt li enfasizzaw l-importanza tat-trasparenza u l-effiċjenza fil-proċessi li għandhom x’jaqsmu ma’ procurement u implimentazzjoni. F’din il-laqgħa kienet enfasizzata wkoll il-ħtieġa li tiġi żgurata l-effiċjenza fl-enerġija nazzjonali, kif ukoll li din tiġi appoġġjata bi ppjanar nazzjonali għat-tul.

Fil-kummenti tiegħu ma’ L-Orizzont fi tmiem il-laqgħa tal-MCESD, id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Camilleri laqa’ l-ħidma li għaddejja bħalissa u anke x-xogħol li hemm ippjanat għaż-żmien li ġej biex tkompli tissaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-eletttriku.

Huwa qal li l-imsieħba soċjali faħħru l-mod ta’ kif ix-xogħol qed jiġi ppjanat u kkordinat flimkien ma’ Infrastructure Malta u Transport Malta. Huwa nnota wkoll kif bħala parti mill-investiment għas-sena 2024, l-Enemalta se tkun qiegħda tippubblika wkoll sejħa għall-offerti għal impjant ta’ 60 megawatt sabiex l-Enemalta jkollha kapaċità addizzjonali ta’ riserva temporanja.

Is-Sur Camilleri semma wkoll kif il-Ministru Dalli reġgħet talbet sabiex f’Marzu li ġej terġa’ ssir laqgħa oħra sabiex l-imsieħba soċjali jingħataw rendikont ieħor tax-xogħlijiet li saru u dawk li jkunu għaddejjin. Temm jgħid li ħafna mill-proposti li ressqu l-imsieħba soċjali fil-laqgħa li kienet saret fil-Berġa ta’ Kastilja wara l-qtugħ fil-provvista tal-elettriku ġew ukoll milqugħa.

Ekonomija

Sport