Monday, October 28, 2024

Il-GWU tilqa’ t-tibdil fil-liġi biex il-ħaddiema jkunu trattati l-istess

Aqra wkoll

Il-GWU laqgħet b’sodisfazzjon l-aħbar mill-Prim Ministru dwar l-introduzzjoni ta’ leġislazzjoni biex il-ħaddiema tal-kuntrattur li  jagħmlu l-istess xogħol bħall-ħaddiema li jaħdmu b’mod dirett ma’ min iħaddem, jitħallsu l-istess paga.

Il-General Workers’ Union kienet qajmet din il-kwistjoni, meta organizzazzjonijiet tax-xogħol bdew jużaw is-servizz tal-ħaddiema tal-kuntrattur. Dan kien qed iwassal għal disparita fil-pagi u l-kundizzjonijiet ta’ ħaddiema li jagħmlu l-istess xogħol fl-istess post tax-xogħol bil-konsegwenza li kien qed iwassal għal nuqqas ta’ motivazzjoni u dwejjaq fost dawn il-ħaddiema.

“Din hija aħbar kbira għalina u għall-eluf ta’ ħaddiema li jaħdmu mal-kuntrattur. Din hija kwistjoni li ilna żmien niġġieldu għaliha. Il-GWU kienet proprju l-ewwel unjin li qajmet din il-kwistjoni u bqajna ninsistu dejjem fuqha. Aħna nemmnu u nisħqu li kull ħaddiem għandu jkun trattat l-istess għax huwa l-valur tax-xogħol li jiddetta l-ħlas u mhux ma’ min taħdem,” saħaq is-Segretarju Ġnerali tal-GWU Josef Bugeja.

Il-GWU qatt ma waqfet tisħaq fuq il-prinċipju ta’ paga ugwali għal impjiegi ta’ valur ugwali f’kull post tax-xogħol. Dan huwa pedament ta’ ġustizzja soċjali, għall-ħaddiema kollha, kemm jekk ħaddiema tal-kuntrattur jew jaħdmu direttament ma’ min iħaddem.

“Kien inaċċettabbli li l-ħaddiema tal-kuntrattur jitħallsu inqas mill-ħaddiema l-oħra, disparità li tiżvaluta l-kontribut tagħhom u twassal għal soċjetà mhux ugwali. Nistennew bil-ħerqa l-introduzzjoni ta’ din il-leġislazzjoni biex issir ġustizzja ma’ dawn il-ħaddiema,” temm jgħid Bugeja.

Sport