Wednesday, May 8, 2024

Il-GWU tordna azzjonijiet industrijali fid-Dar tal-Anzjani tal-Mellieħa

Aqra wkoll

Il-General Workers’ Union permezz tat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi għadha kemm ħarġet direttiva lill-ħaddiema tas-Support Services fid-Dar tal-Anzjani tal-Mellieħa minħabba nuqqas fil-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà waqt il-qadi tad-dmirijiet ta’ dawn il-care workers. Dan wara proċeduri ġodda mdaħħla minn Care Malta.

Il-każ huwa relatat mat-tqassim tal-ikel mingħajr ma saret konsultazzjoni mal-ħaddiema u mar-rappreżentanti tagħhom u mingħajr ma l-kumpanija Support Services ma kienet infurmata. Jirriżulta li fil-metodu l-ġdid kif ordnat mill-maniġment ta’ Care Malta, dan se jkun qed ipoġġi fil-periklu sew lill-ħaddiema kif ukoll lir-residenti, speċjalment fejn jidħol tqassim ta’ ikel likwidu jaħraq.

Qabel waslet għal dawn id-direttivi l-GWU ippruvat kemm-il darba tasal għal ftehim mal-maniġment u saħansitra biex l-affarijiet isiru sew involviet ukoll lill-OHSA fejn ġiet organizzata laqgħa bejn ir-rappreżentanti tal-maniġment mill-Ministeru għall-Anzjanita Attiva, minn Care Malta u Support Services Ltd., kif ukoll l-OHSA, il-GWU u l-ħaddiema nfushom. Hawn mill-ewwel ħareġ ċar li dak li kienet qed issotni l-GWU kien tajjeb u li fil-fatt kien qed jinħoloq periklu fosthom li r-residenti u l-ħaddiema jistgħu jinstamtu. Preżenti kien hemm ukoll il-maniġment ta’ Support Services li nsista li l-ħaddiema għandhom ikunu protetti fuq il-post tax-xogħol u li l-klijent tiegħu ma jistax jipperikola s-saħħa tal-ħaddiema.

Għaldaqstant billi s’issa għad m’hemmx żblokk fis-sitwazzjoni u billi għadu ma ġiex ipprovdut ir-rapport mill-Health and Safety Officer ta’ Support Services kif ordnat l-OHSA, it-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi ma kellha l-ebda triq oħra ħlief toħroġ din id-direttiva li se tibqa’ fis-seħħ sa ma jkun hemm soluzzjoni li tassigura s-sigurtà tal-ħaddiema u r-residenti.

Din id-direttiva hi li ma titqassamx soppa jew ikel ieħor likwidu jaħraq sakemm ma tinstab soluzzjoni li tagħti serħan il-moħħ li ħadd ma jkun espost għall-periklu.

Sport