Monday, May 13, 2024

“It-tfal posthom l-iskola mhux ifittxu lil ommhom mirduma fil-gwerer”

Riżoluzzjoni minn Malta adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU

Aqra wkoll

“It-tfal l-iskola posthom dalgħodu u mhux ifittxu lil ommhom mirduma fil-gwerer! Isem Malta dalgħodu jinsab mal-aħbarijiet tad-dinja kollha b’dak li ksibna filgħaxija. Kburi bit-tim li għandna fl-Affarijiet Barranin”. Iddikjara dan il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg fl-ewwel reazzjoni tiegħu għall-aħbar tant pożittiva li l-Kunsill tas-Sigurtà tal-UN se jkun qiegħed jaddotta r-riżoluzzjoni dwar it-tfal u l-ġlied ġewwa Gaża.

Wara erba’ attentati falluti biex jadotta riżoluzzjoni dwar il-gwerra bejn Iżrael u l-Ħamas, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti nhar l-Erbgħa approva r-riżoluzzjoni 2712 li tressqet minn Malta biex ikun hemm “pawżi umanitarji estiżi immedjati” madwar l-Istrixxa ta’ Gaża biex jippermettu passaġġ sigur għall-għajnuna umanitarja.

Ir-riżoluzzjoni Maltija titlob ukoll li “l-partijiet kollha” jikkonformaw mal-liġi umanitarja internazzjonali li teħtieġ protezzjoni għaċ-ċivili, titlob protezzjoni speċjali għat-tfal, u tipprojbixxi t-teħid ta ‘ostaġġi.

Ir-riżoluzzjoni għaddiet bi 12-il vot favur, tliet astensjonijiet u xejn kontra. Fl-istess waqt, il-kunsill tas-sigurta għeleb it-tentattiv mir-Russja biex tintroduċi emenda għall-abbozz ta’ Malta. 

Ir-riżoluzzjoni titlob li dawn il-pawżi jkunu għal numru suffiċjenti ta’ jiem biex jagħtu lok lill-aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti u organizzazzjonijiet umanitarji internazzjonali oħra jipprovdu provvista suffiċjenti u mingħajr xkiel ta’ oġġetti u servizzi essenzjali.

Ir-rappreżentant ta’ Malta, Vanessa Frazier waqt li introduċiet ir-riżoluzzjoni, qalet li din tiffoka fuq il-qagħda mwiegħra tat-tfal maqbuda u ta’ dawk li qed jinżammu ostaġġi. 

Hija qalet ukoll li l-passaġġ jippermetti sforzi urġenti ta’ salvataġġ u rkupru u l-evakwazzjoni medika ta’ tfal morda jew midruba u dawk li jieħdu ħsiebhom.

Minbarra t-test tar-riżoluzzjoni, il-Kunsill tas-Sigurta’ sejjaħ għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-ostaġġi kollha miżmuma mill-Ħamas u gruppi oħra, speċjalment tfal, u ħeġġeġ lill-partijiet biex joqogħdu lura milli jċaħħdu liċ-ċivili f’Gaża minn servizzi li jsalvaw il-ħajja u għajnuna umanitarja.

Din hija l-ewwel riżoluzzjoni li ġiet approvata mill-Kunsill tas-Sigurtà wara erba’ tentattivi falluti preċedenti. Wara l-vot, ir-rappreżentant Amerikan faħħar lil Malta għat-tmexxija tagħha biex din ir-riżoluzzjoni tgħaddi. Ir-riżoluzzjoni mressqa minn Malta kienet deskritta bħala pass ‘il quddiem, minkejja li ma kinitx tinkludi l-kundanna tal-Ħamas. 

Fir-riżoluzzjoni, Malta saħqet ukoll fuq l-importanza li jiġu salvati ħajjiet innoċenti u li l-ostaġġi kollha jinħelsu. Appellat ukoll għal ħolqien ta’ kurituri umanitarji urġenti u estiżi fil-Medda ta’ Gaża u għal ħelsien bla kundizzjonijiet tal-ostaġġi, speċjalment. tfal. 

B’reazzjoni għall-adozzjoni tar-riżoluzzjoni, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Ewropej u l-Kummerċ, Dr Ian Borg qal li Malta hi determinata li tkompli taħdem u tistinka għal kisba tal-paċi. Huwa rringrazzja lir-rappreżentanta Maltija Vanessa Frazier u lill-kumplament tad-delegazzjoni Maltija fil-UN għax-xogħol tagħhom.

Sport