IL-GWU TQANQAL DISKUSSJONI DWAR IS-SERVICE CHARGE MIR-RISTORANTI

Aqra wkoll

Wara li l-General Workers’ Union dan l-aħħar esprimiet it-tħassib serju tagħha, u li hi kontra, l-idea li s-service charge fir-ristoranti tista’ ssir parti mill-paga u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema. F’dan ir-rigward, dan is-sit indaga ma diversi entitajiet relatati mas-settur tal-catering u l-ospitalità u biex ħa l-fehma tagħhom.

Dan anke fl-isfond li f’dawn l-aħħar ġimgħat żdiedu r-rapporti dwar ristoranti u stabbilimenti oħra tal-ikel li mal-kont tal-ikel u x-xorb lill-klijenta bdew iżidu ħlas addizzjonali ta’ 10%, magħrufa bħala service charge. 

MHRA

L-Assoċjazzjoni għal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) se tlaqqa’ l-membri tagħha biex tispjegalhom x’għandhom jagħmlu dwar is-service charge u kif għandhom jindirizzaw din il-kwistjoni sabiex kollox ikun b’mod korrett.

Skont il-President tagħha Tony Zahra, dan se tagħmlu bil-għan li jwassal biex kemm il-konsumatur kif ukoll sid ir-ristorant ikunu aktar attenti u  jaraw li l-affarijiet isiru kif suppost. 

Tony Zahra qal li l-pożizzjoni tal-MHRA dwar is-service charge, hija li huwa importanti li din tkun immarkata tajjeb fil-kont lill-klijent filwaqt li  sostna li s-service charge qiegħda hemm biex il-klijent ma jkollox għalfejn iħalli tips lil min iservieh għax diġà jkun inkluż fil-kont. 

ACE

L-Assoċjazzjoni għall-Istabbilimenti tal-Catering (ACE) min-naħa tagħha iddikjarat li taqbel mal-pożizzjoni tal-General Workers’ Union li s-service charge m’għandha qatt issir parti mill-paga u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema. L-ACE teżiġi wkoll li s-service charge għandha tmur direttament għand l-impjegat, iżda mhux bħala parti mill-paga. 

GTA

L-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu ta’ Għawdex (GTA) min-naħa tagħhom qalu li huma konxji li dawn ic-charges wieħed jista’ jsibhom f’bosta ristoranti madwar id-dinja u anke fl-Ewropa. Ma’ dan il-ġurnal, Joe Muscat, il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu, qal li jemmen li l-introduzzjoni tas-service charge m’għandhiex tkun obbligatorja imma għandha tkun fl-għażla tar-ristorant jekk jagħmilhiex jew le. 

Muscat enfasizza fuq il-fatt li din għandha tkun ċara, jiġifieri li tkun tidher fil-menus, kemm dawk li jingħataw il-konsumaturi waqt li jkunu qed jordnaw u kif ukoll fuq il-menus li jkun hemm normalment barra mir-ristoranti. Huwa semma kif xi ħaġa oħra importanti hi li l-wejter meta jkun se jieħu l-ordni, dan għandu l-obbligu li jinforma lil konsumatur.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport