Il-ħaddiema tal-Aġenzija għar-Riġenerazzjoni taż-Żoni Turistiċi, li matul is-sena kollha jaħdmu fuq il-manutenzjoni, it-tisbiħ u ż-żamma ta’ bajjiet, promenades, bandli, mogħdijiet u żoni turistiċi oħra madwar Malta u Għawdex, komplew isaħħu l-ħiliet professjonali tagħhom permezz ta’ programm ta’ taħriġ u żvilupp organizzat mill-Aġenzija.
Il-programm, li laqqa’ flimkien il-ħaddiema tal-Aġenzija għal ġurnata ddedikata għat-taħriġ, l-iżvilupp professjonali u t-tisħiħ tal-ħidma f’tim, kien indirizzat ukoll mill-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi Alison Zerafa Civelli, li faħħret il-ħidma li dawn il-ħaddiema jwettqu kuljum b’risq il-komunità u s-settur turistiku.
Fl-indirizz tagħha, il-Ministru saħqet fuq l-importanza tat-taħriġ kontinwu u tal-investiment fil-ħaddiema sabiex dawn ikomplu jiżviluppaw il-kompetenzi tagħhom u jkunu ppreparati għall-isfidi li jevolvu fil-qasam tax-xogħol tagħhom. Hija sostniet li l-Gvern huwa impenjat li jkompli jinvesti kemm fl-infrastruttura kif ukoll fil-ħaddiema, sabiex ikomplu jingħataw servizzi ta’ kwalità li jagħmlu differenza fil-ħajja tar-residenti u jtejbu l-esperjenza tal-viżitaturi.
“Intom l-aqwa ambaxxaturi tax-xogħol li jwettaq il-Gvern fil-komunitajiet tagħna. Kull bajja, promenade u spazju pubbliku miżmum tajjeb jirrifletti d-dedikazzjoni tagħkom, u għalhekk se nibqgħu ninvestu fit-taħriġ u fl-iżvilupp tagħkom biex ikollkom l-għodda kollha meħtieġa ħalli tkomplu twettqu xogħol ta’ eċċellenza,” qalet il-Ministru Zerafa Civelli.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għar-Riġenerazzjoni taż-Żoni Turistiċi, Dennis Vella, qal li matul l-2026 l-Aġenzija kompliet twettaq numru sostanzjali ta’ interventi ta’ manutenzjoni, tisbiħ u riġenerazzjoni f’diversi żoni turistiċi madwar Malta u Għawdex. Huwa rringrazzja lill-ħaddiema għall-impenn tagħhom u saħaq li s-suċċess tal-Aġenzija jibqa’ jiddependi fuq il-professjonalità u l-impenn ta’ kull wieħed u waħda minnhom.
Matul il-programm, il-ħaddiema segwew diversi sessjonijiet iffukati fuq l-iżvilupp professjonali u personali. Fosthom kien hemm preżentazzjoni mill-Kap Eżekuttiv Dennis Vella dwar il-ħidma u l-proġetti mwettqa mill-Aġenzija matul l-2026, kif ukoll sessjoni ta’ team building u motivazzjoni mmirata biex tkompli ssaħħaħ il-kollaborazzjoni u l-ispirtu ta’ tim fost il-ħaddiema. Il-programm inkluda wkoll preżentazzjoni minn rappreżentanti tas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali.
Fi tmiem il-programm, il-Ministru ppreżentat iċ-ċertifikati lill-ħaddiema li temmew b’suċċess it-taħriġ fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll lil dawk li kisbu ċ-ċertifikazzjoni fir-restawr tal-ħitan tas-sejjieħ, liema taħriġ ikompli jsaħħaħ il-kompetenzi tekniċi tagħhom fil-qadi ta’ dmirijiethom.
Għall-attività attenda wkoll is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Emil Vassallo.
