Is-Sindku tal-belt ta New York, Zohran Mamdani, li kien wiegħed li jarresta lill-prim ministru ta’ Iżrael Benjamin Netanyahu jekk dan iżur il-belt, irtira l-wegħda li għamel u issa qed jgħid li m’għandux l-awtorità biex jagħmel dan.
F’filmat imxandar fuq il-midja soċjali, Mamdani ħeġġeġ lill-uffiċjali Amerikani biex jaġixxu fuq il-mandat ta’ arrest tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC) għall-Prim Ministru Iżraeljan Netanyahu b’rabta ma’ allegati delitti tal-gwerra. Teknikament, kieku Netanyahu kellu jidħol f’pajjiż membru tal-ICC, seta’ jiġi arrestat u mgħoddi lill-qorti internazzjonali – iżda l-Istati Uniti mhijiex membru tal-ICC.
Il-President Donald Trump qal li Netanyahu mhux se jiġi arrestat, bl-ebda mod jew forma, waqt li jkun fl-Istati Uniti. F’post fuq Truth Social nhar it-Tnejn, huwa saħansitra kiteb li Netanyahu qed jiġġieled kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran, pajjiż li dan l-aħħar qatel 52,000 persuna innoċenti li kienu qed jipprotestaw kontra l-gvern, u li l-aħħar 47 sena qattgħethom toqtol suldati Amerikani u oħrajn.
Trump kien qed jirrispondi għal kummenti li għamel Zohran Mamdani f’intervista man-New York Times nhar is-Sibt, li fiha s-sindku qal li kien qed ikollu “diskussjoni attiva” mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi dwar il-possibbiltà li jiġi infurzat il-mandat ta’ arrest tal-ICC.
Iżda nhar it-Tlieta, Mamdani qal li t-tim tiegħu kien eżamina kull triq disponibbli u kkonkluda li skont il-liġi, m’għandux l-awtorità legali indipendenti biex jinforza l-mandat tal-arrest.
F’filmat ippubblikat fuq il-midja soċjali, Mamdani stqarr li Netanyahu “mhux milqugħ” fi New York City, fejn mistenni jkun f’Settembru għall-Assemblea Ġnerali tan-Nazzjonijiet Uniti.
Fl-2024, il-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC) ħarġet mandat ta’ arrest għal Netanyahu b’rabta ma’ allegati delitti tal-gwerra f’Gaża, u fl-istess waqt ħarġet mandat ta’ arrest ukoll għal kmandant tal-Ħamas.
L-ICC għandha l-awtorità li tressaq quddiem il-ġustizzja lil dawk akkużati b’ġenoċidju, delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra mwettqa fit-territorju ta’ stati li huma firmatarji tal-Istatut ta’ Ruma, it-trattat li waqqafha.
Matul il-kampanja tiegħu għall-kariga ta’ Sindku ta’ New York City, Mamdani ripetutament iddeskriva lil Netanyahu bħala kriminal tal-gwerra u l-gwerra f’Gaża bħala ġenoċidju. Hu qal ukoll li kien se jordna lill-pulizija biex jarrestaw lil Netanyahu jekk jasal fil-belt t New York.
Il-kummenti tiegħu waslu fiż-żmien meta l-appoġġ tal-votanti Demokratiċi għal Iżrael jidher li qed jinbidel; stħarriġ reċenti juri li 58% tad-Demokratiċi jemmnu li l-Istati Uniti qed turi wisq appoġġ lejn Iżrael, żieda mill-45% irreġistrati fl-2024.
Bi tweġiba għall-intervista ta’ Mamdani, Danny Danon, l-ambaxxatur Iżraeljan għan-Nazzjonijiet Uniti, qal lis-sindku li hu ġie elett biex isservi lir-residenti ta’ New York, mhux biex jagħmel il-propaganda lilll-Ħamas.
