Sħana estrema li laqtet lill-kontinent Ewropew, ikkawżata mill-kriżi klimatika, qed tnixxef l-Ewropa u qed tintensifika n-nixfa skont analiżi xjentifika. Il-livell ta’ nixfa tal-ħamrija sar ħames darbiet aktar probabbli mit-tniġġis mill-fjuwils fossili fil-punent u 11-il darba aktar probabbli fil-lvant.
Studju xjentifiku wera li l-mewġ ta’ sħana rekord fissru li l-atmosfera sħuna evaporat bil-qawwa l-ilma mix-xmajjar, lagi, ħamrija u pjanti – kundizzjonijiet li saru 80 darba aktar probabbli mit-tisħin globali fl-Ewropa tal-Punent u 40 darba aktar probabbli fl-Ewropa tal-Lvant.
In-nixfiet ġeneralment kienu marbuta ma’ ammont baxx ta xita, iżda l-aktar xitwa riċenti tal-Ewropa tal-Punent kienet waħda mimlija bix-xita. Ix-xjentisti qalu li l-kriżi klimatika kienet qed tiddefinixxi mill-ġdid in-nixfa fl-Ewropa, bit-temperaturi għoljin ikunu l-fattur ewlieni dan is-sajf.
In-nixfa tal-lum fl-Ewropa tal-Punent hija kklassifikata bħala “estrema” meta fid-dinja kienet tkun “moderata” qabel il-kriżi klimatika, skont l-analiżi.
In-nixfa ġiet ivvalutata sa tmiem Ġnju, iżda diġà qed ikollha impatti kbar. Ħafna pajjiżi implimentaw restrizzjonijiet ta’ emerġenza fuq l-użu tal-ilma, bil-biċċa l-kbira tan-nofsinhar tal-Ingilterra issa taħt projbizzjoni tal-pajpijiet tal-ilma.
Nirien qattiela ħakmu Spanja u Franza u l-bdiewa ntlaqtu ħażin, u ffaċċjaw uħud mill-aktar ħamrija niexfa rreġistrati. Madwar 9 miljun tunnellata ta’ qamħ huma mistennija li jintilfu madwar l-Ewropa, bl-agħar ħsad tal-qamħirrum f’50 sena mistenni fi Franza.
Ix-xmajjar qed jonqsu madwar l-Ewropa kollha, u dan qed inaqqas il-ġenerazzjoni ta’ enerġija idroelettrika nadifa u jirrestrinġi l-vapuri tal-merkanzija.
Ir-Rhine f’Lobith fl-Olanda issa huwa aktar baxx mil-livell minimu li deher fis-sajf sħun tal-1976. Ix-xjentisti wissew li dan it-tfixkil jista’ jgħolli l-prezz tal-ikel u tal-enerġija u l-agħar li jolqot ikunu l-familji bi dħul baxx.
In-nixfa ta din is-sena waslet xahrejn qabel dik li seħħet fl-2022. Din is-sena rat ukoll kundizzjonijiet perikolużi partikolarment in-nirien fil-foresti fl-Ewropa tal-Punent. Kundizzjonijiet li jibdew pjuttost imxarrbin li mbagħad jinbidlu f’kundizzjonijiet niexfa ħafna huma l-ingredjenti ewlenin għal staġun estrem ta’ nirien, għaliex tikber aktar veġetazzjoni li mbagħad tinħaraq aktar ‘il quddiem.
L-aktar ħaġa inkwetanti iżda hi li dawn il-kundizzjonijiet qed iseħħu b’żieda fit-temperatura globali ta’ 1.4°C. Jekk l-emissjonijiet globali jwasslu biex it-temperaturi jogħlew b’2.8°C kif previst, il-probabbiltà li jseħħu dawn il-kundizzjonijiet ta’ evaporazzjoni qawwija tista’ tirdoppja. Mingħajr tnaqqis rapidu u drastiku fl-emissjonijiet, l-Ewropa tinsab fi triqitha lejn futur fejn is-sjuf sħan u niexfa jseħħu ripetutament.
In-nixfiet li qed jiggravaw huma sinjal ta’ allarm ċar u innegabbli li l-pjaneta tagħna qed tisħon iżżejjed. Sakemm l-umanità tieqaf taħraq kwantitajiet kbar ta’ faħam, żejt u gass, dawn in-nixfiet ħorox ikkawżati mill-klima se jkomplu jsiru aktar gravi u jiswew aktar għali kemm għall-familji kif ukoll għall-ekonomiji kollha kemm huma. Iżda s-soluzzjonijiet huma daqstant ieħor ċari: irridu ngħaddu ħafna aktar malajr għall-enerġija rinnovabbli.
