Friday, May 3, 2024

IL-ĦAJJA TA’ KULĦADD IMPREZZABBLI

Aqra wkoll

Dak li seħħ is-Sibt filgħodu reġa’ ħasad lill-komunità Maltija u għalkemm mhux id-dmir tagħna li nippuntaw is-swaba’ jew li nikkummentaw dwar ċertu affarijiet b’rabta mal-inċident minħabba l-inkjesta li għadha għaddejja, tajjeb li naqsmu l-ħsieb tagħna dwar dak li għaddej fis-soċjetà tagħna. Il-ħaddiem għalina huwa fiċ-ċentru u għalina huwa dritt ta’ kull ħaddiem li jirritorna lura d-dar wara li joħroġ biex jaqla’ l-għajxien tiegħu.

Filmati miġbudin minn CCTVs li nxterdu fuq il-midja juru l-mument li fih b’mod xokkanti binja li kienet qiegħda tinbena spiċċat f’tunnellati ta’ terrapien u li fosthom kien hemm il-ħajja ta’ sitt persuni. Minn dawn hemm tlieta li qegħdin fit-taqsima tal-kura intensiva u żagħżugħ ieħor li sfortunatament ġie lokalizzat bla ħajja madwar 16-il siegħa wara li bdiet l-operazzjoni ta’ salvataġġ.

16-il siegħa … il-ġlieda kontra l-minutiera biex iż-żagħżugħ li nzerta fil-ħin il-ħażin u l-post il-ħażin jiġi lokalizzat u salvat. Iżda d-destin ried mod ieħor. Id-destin ried li minn fost dawk kollha fil-binja jkun proprju hu li jidħol b’xi għodda u jispiċċa mirdum taħt tunnellati ta’ materjal. Taqraha u tgħidha wkoll taqbdek għafsa ta’ qalb u fl-istess ħin taqbad titlef il-fiduċja li se ssib il-ħajja.

Madanakollu, kontra kull xniegħa fuq barra, anke wara li għaddew diversi sigħat, l-uffiċjali baqgħu qalbiena fuq xogħolhom, ’il bogħod mill-familji tagħhom, f’inċertezza minħabba s-sitwazzjoni tal-binja mġarrfa, iżda determinati li kellu jkun it-tabib li jiċċertifika jekk hemmx ħajja jew le ladarba huma jwettqu xogħolhom. 

Min-naħa tagħna nikkundannaw kummenti li xekklu l-ħidma tagħhom u oħrajn li lmentaw li l-uffiċjali f’pajjiżna mhumiex mħejjija biżżejjed biex jaħdmu f’tali kundizzjonijiet. Bla ebda dubju dawk li saħansitra qalu li ż-żagħżugħ mis-Swatar miet minħabba wisq dewmien fl-operazzjoni xejn ma jagħtu ġieħ lill-valuri tal-bqija tal-komunità. Faċli tagħfas dik il-buttuna u tipprova toħloq argument waqt li tkun komdu u mistrieħ ’il bogħod mill-periklu.

Ritratti li nxterdu fil-midja, anke jekk il-ġurnalisti kienu pjuttost limitati mill-aċċess, juru mumenti partikolari fejn il-Ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili wettqu dawk li huma jafu aħjar bħala ‘snatch rescue’ fejn persuni jintlemħu maqbudin qalb it-tifrik, iżda r-riskju li ssalvahom ikun ipoġġi l-istess uffiċjali f’periklu li jispiċċaw vittmi. Il-persuni maqbudin fit-tifrik kienu fil-parti ta’ isfel ta’ struttura li kien imminenti li setgħet taqa’ u li anke l-elementi setgħu jkunu determinanti dwar jekk din iċċedix jew le. Minkejja dan, wara ftit minuti biss, l-uffiċjali rnexxielhom jirkupraw ħamsa mis-sitt persuni li kienu fis-sit.

Għalina kull ħajja hija imprezzabbli. Minkejja li l-isbaħ xena kienet tkun dik li minn qalb is-sħaba bajda ta’ tifrik joħroġ kulħadd mingħajr ġrieħi u bit-tbissima, iżda mhux il-każ. L-uffiċjali għandhom qalb ukoll. Għandhom sentimenti wkoll. Żgur li mhux pjaċir tagħhom li t-tmiem ta’ sigħat ta’ ħidma kellha tfisser biss li jirkupraw bniedem bla ħajja li ftit metri bogħod kien hemm familtu u ħbiebu jistennew bi ħġarhom li jerġgħu jgħannquh magħhom. 

Sport