Iktar esperti fl-inkjesta tal-isptarijiet jagħlqu l-kumpanija tagħhom. Jill Kennedy hija l-aħħar minn sensiela ta’ esperti mqabbda mill-Maġistrat Gabriella Vella li bdiet il-proċess sabiex tagħlaq il-kumpanija tagħha.
Kennedy, Irlandiża ta’ 52 sena, illi hija waħda mill-firmatarji tar-rapport li ġie ppreżentat lill-Maġistrat Gabriella Vella fid-19 t’April tas-sena l-oħra, applikat sabiex tagħlaq il-kumpanija tagħha, Athena Insights Limited erbat ijiem ilu, fis-7 t’April.
Il-kumpanija ta’ Jill Kennedy kienet teknikament falluta qabel ma ngħatat ix-xogħol fuq l-inkjesta tal-isptarijiet fuq parir tal-ħabib tagħha, Irlandiż bħalha, Jeremy Harbinson. La kellha sabiex tħallas lill-kredituri u lanqas assi oħra x’jagħmlu tajjeb.
Il-Maġistrat Gabriella Vella hatret lil Kennedy bħala esperta fit-2 ta’ Settembru 2020. Dan il-pass salva lill-kumpanija Athena Insights Limited minn falliment. Fuq medda ta’ tliet snin, bejn l-2021 u l-2024, ir-riżultati finanzjarji ta’ din il-kumpanija tjiebu sena wara l-oħra. Meta iżda l-ħlasijiet waqfu, il-qagħda reġgħet bdiet sejra lura, tant illi issa Jill Kennedy trid tagħlaq.
Ir-responsabbiltà ta’ Kennedy hija kbira għaliex hija wahda mill-firmatarji tar-rapport ippreżentat lill-Maġistrat Vella. Bid-deċiżjoni li tagħlaq il-kumpanija tagħha Kennedy qed tieħu l-prekawzjonijiet sabiex ma tesponix ruħha minħabba t-taħwid li ħiereġ mill-inkjesta. Fuq il-bażi tar-rapport li ffirmat Kennedy, inħarġu sensiela twila ta’ akkużi mill-iktar serji kontra numru kbir ta’ persuni, fosthom l-eks Prim Ministru Joseph Muscat.
Huma ħamsa l-kumpaniji ta’ esperti li ħadmu ma’ Harbinson u li tħallsu mill-inkjesta tal-Magistrat Gabriella Vella li issa ngħalqu jew qegħdin fil-process li jingħalqu. Dawn huma Harbinson Forensics Ltd ta’ Jeremy Harbinson, The Fraud Company Limited ta’ Sam Sittlington, Rhinoconsulting AML Ltd ta’ Andy Coles, Churchill Fraud Solutions Limited ta’ David Churchill u Athena Insights Limited ta’ Jill Kennedy.