Wednesday, March 27, 2024

“Il-ħatra ta’ Papa dejjem sorpriża… aktarx jilħaq dak li ma jkunx issemma”

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

M’hemm ebda dubju li l-aħbar li l-Kardinal Mario Grech hu fost dawk li qed jissemmew bħala li għandhom ċans li jieħdu post il-Papa Franġisku, kienet aħbar li intlaqgħet tajjeb ħafna minn sezzjonijiet tal-poplu Malti. Sorsi li tkellmu ma’ Talk.mt b’reazzjoni għal din l-aħbar qalulna li “tieħu gost tisma’ aħbar bħal din. Biss min hu midħla ta’ kif jaħdmu l-konklavi u kif taħdem il-knisja Kattolika jaf li dawk l-ismijiet li jissemmew fil-midja, ħafna drabi jiġu skartati fil-mument tal-prova. Anki għal ħatra ta’ Isqof, din hi xejra li narawha ħafna. L-elezzjoni ta’ Papa hi dejjem sorpriża u għalhekk rapporti bħal dan li nħareġ u rapporti oħra  li nħarġu qabel u li fihom il-kardinal tagħna Mario Grech ma ssemmiex, jistgħu jitqiesu biss bħala rapport spekulattivi”.

L-istess sorsi qalulna li “ftit xhur ilu nħarġu rapporti oħra minn midja oħra barranija. Dakinhar kienu semmew lil tmien kardinali bħala l-favoriti. Kienu ssemmew Marc Ouellet, Pietro Parolin, Óscar Rodriguez Maradiaga, Robert Sarah, Christoph Schönborn, Antonio Tagle, Peter Turkson u Matteo Zuppi. M’għandix dubju li fil-ġimgħat li ġejjin se jinħarġu aktar rapporti. Se nibqgħu nisimgħu b’dawn l-ismijiet. Min hu midħla ta’ dawn l-elezzjonijiet jaf sewwa li ħafna drabi jilħaq dak li ħadd ma jkun jistenna”.

Ir-rapport li nħareġ fit-Times of London indika li l-Kardinal Mario Grech qed jissemma fost għadd ta’ kardinali li għandhom ċans li jieħdu post il-Papa Franġisku fil-konklavi li jmiss.

F’analiżi li saret ġie spjegat kif l-elezzjoni għas-suċċessur tal-Papa se tkun ġlieda  bejn il-konservativi u l-liberali. Għalkemm għadu mhux ċar jekk il-Papa Franġisku hux se jservi sal-aħħar ta’ ħajtu jew jekk jirtirax mill-kariga. Skont ir-rapport fit-Times of London, din tal-aħħar tidher improbabbli minħabba li  l-Papa Benedittu kien irtira mill-kariga.

Ir-rapport semma lil Kardinal Mario Grech  bħala wieħed mill-favoriti li jkun suċċessur tal-Papa Franġisku. Miegħu issemmew ukoll il-Kandiż Marc Ouellet, l-Ungeriż, Peter Erdo, il-Ġermaniż Wim Eijk, is-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, Pietro Parolin u l-Filippin Luis Tagle. 

Ekonomija

Sport