Friday, December 27, 2024

Il-ħolma li saret realtà

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

“The Last Voyage of the Demeter” falla kompletmant fil-box office fid-debutt tiegħu fit-teatri Amerikani meta kellu dħul ta’ $6.5 miljun.  Parti minn dan il-film inħadmet hawn Malta u l-ġimgħa l-oħra ġie muri lill-Maltin li ħadu sehem fih.  Personalment iddiżappuntani bil-kbir u stennejtu jfalli.  Il-film hu dwar kapitlu wieħed fil-ktieb klassiku ta’ Bram Stoker ‘Dracula’ meta t-tebut tiegħu jiġi trasportat minn Transilvanja lejn l-Ingilterra.  Din kienet it-tieni disfatta konsekuttiva għall-Universal li trid terġa tirxoxta l-films tal-vampir billi ftit xhur ilu kellha l-istess destin b’“Renfield”. 

Sadanittant, “Barbie” kompliet tiġbed aktar nies lejn it-teatri u żammet postha fil-quċċata.   Runner-up baqa’ “Oppenheimer”.  “Teenage Mutant Ninja Turtles: Mutant Mayhem” u“Meg 2: The Trench” okkupaw it-tielet u r-raba’ post tal-box office Amerikana.  “Demeter” li sewa $45 miljun iddebutta fil-ħames post.

Gran Turismo

Għal dawk kollha li jħobbu t-tlielaq tal-karozza, għandhom film spettakolari li mgħandhomx jitilfu.  Dan hu “Gran Turismo”.  Sa ċertu punt, hu speċi ta’ “Fast and Furious” imma anqas ċiniku, fih ċertu innoċenza u l-awtentiċità tiegħu kważi tissorprendik.

Il-film hu ispirat minn storja vera.  Il-karattru fil-qofol ta’ din in-narrattiva hu Jann Mardenborough (Archie Madekwe), li jkun żagħżugħ biracial minn Cardiff.  Il-ħin liberu tiegħu jgħaddih bil-qegħda f’kamartu jilgħab il-video game Gran Turismo.  Waqt il-logħba ikun kapaċi jdur ma kull tip ta’ kurvatura perikoluża b’veloċitá qawwija u fil-logħba għandu ħila jissupera kull kompetitur.  Imma dan iż-żagħżugħ għandu ħolma: dik li jsuq karozzi vera tat-tlielaq.  U darba, din l-opportunitá tiġih.

Danny Moore (Orlando Bloom) li jkun marketing executive, joħroġ bl-idea li tinħoloq kompetizzjoni għal dawk kollha li jilgħabu l-video game u għaxar rebbieħa jingħataw post fil-GT Academy fejn jingħata taħriġ spċjalizzat biex jittrasferixxu il-ħiliet li jiksbu permezz tal-logħba għal ġo trakk tat-tlielaq.  Fit-tieni fażi tal-kompetizzjoni, l-għaxra magħżula għat-taħriġ jerġgħu jikkompotu bejniethom fi tlielaq vera bil-karozzi sakemm ikun fadal wieħed.  Ir-rebbieħ finali jingħata l-opportunitá li jiffirma kuntratt mal-kumpanija Nissan biex itlellaq b’karozza tat-tlielaq.  L-iskop ta’ Danny Moore hu li jħajjar aktar żgħażagħ jixtru aktar karozzi.

Maħdum taħt id-direzzjoni ta’ Neill Blomkamp, “Gran Turismo” hu drama nteressanti li jiżviluppa qiesu karozza tat-tlielaq: mgħaġġel, iżomm ritmu b’saħħtu u jibqa’ iffukat.

Interessanti t-tensjoni li tinħoloq bejn Jan u missieru Steve (Djimon Hounsou), ex-plejer professjonali tal-football Amerikan.  Il-missier iwissi lill-ibnu li jrid jikkontrolla l-ħolm.  Min-naħa l-oħra, Jann jemmen li għandek taħdem biex il-ħolm li jkollok issarfu f’realtá.

“Gran Turismo” hu kklassifikat 12A minħabba xi xeni ta’ theddid ħafif u lingwaġġ.

Heart of Stone

Fl-aqwa tiegħu, Alfred Hitchcock kien ivvinta t-terminu MacGuffin – xi ħaġa tati spunt biex tibda l-istorja imma malli l-film jibda jiżviluppa, ssib li din il-ħaġa ma kellha ebda importanza u probabbli tkun ħlejt il-ħin taħseb fuqha.

“Heart of Stone” hu thriller tal-ispijji li fih numru tliet McGuffins.  Il-problema hi li mhux biss toħloqhom imma d-direttur irid jgħaraf kif jużahom biex iżid it-tensjoni u mhux iħawwad lill-udjenza.

Gal Gadot għandha l-parti ta’ Rachel Stone, li hi intelligence operative, parti minn tim ta’ spiji veterana li jaħdmu għall-MI6.  L-ewwel xeni tal-film, partikularment il-ħarba turina li Rachel Stone hi speċi ta’ ‘Wonder Woman’.  Is-sekwenza tal-bidu turina li Rachel hi counteragent: spiji qalb l-spiji.  Mhux membru tal-MI6 imma ta’ The Charter, li huwa grupp ta’ aġenti nternazzjonali li m’għandhom alleanza ma ebda pajjiż bl-iskop li jagħmlu d-dinja aktar sigura.

Eventwalment, The Charter hi McGuffin, għax m’għandna ebda idea kif topera, ħlief li jgħidulna li “fejn il-gvernijiet ifallu, hemm aħna”!

Għandna wkoll il-karattru ta’ Parker (Jamie Dornan) li hu spija, jipprova jimpressjona lil Rachel, imma trid toqgħod attent minnu għax għandu l-aġenda tiegħu.  L-interess tiegħu hu li jaħtaf l-apparat ta’ l-intelliġenza artifiċjali li jirreferu għalih bħala The Heart.  Dan hu t-tieni McGuffin f’din l-istorja.

Għandna t-tielet McGuffin u dan hu l-karattru ta’ Keya (Alia Bhatt).  Hi ppreżentata bħala hacker misterjuża, fejn aħna ninvestu ħafna ħin nippruvaw nifhmu fuq liema naħa qegħda.

Bid-deċiżjoni li probabbli mhux ser ikollna t-tielet “Wonder Woman” (almenu għalissa), Gal Gadot tidher li trid tkompli tipproġetta dan l-image taħt il-kappa ta’ karattri oħra.  Is-sehem tagħha mhux ħażin; il-film maħdum taħt id-direzzjoni ta’ Tom Harper li jbati. 

“Heart of Stone” hu kklassifikat 15 minħabba xeni ta’ tensjoni, vjolenza u lingwaġġ.

Ekonomija

Sport