Monday, May 13, 2024

Il-Hulk Brażiljan imut fl-età ta’ 55 sena

Aqra wkoll

Il-bodybuilder Brażiljan u stilla ta’ TikTok Valdir Segato – magħruf aħjar bħala “l-Hulk tal-Brażil” – miet fl-età ta’ 55 sena proprju f’jum għeluq sninu. Dan il-bodybuilder kellu madwar 1.6 miljun segwaċi fuq il-midja soċjali u dan kien magħruf għall-muskoli mhux naturali tiegħu li kabbarhom għax kien jinjetta lilu nnifsu b’żejt perikoluż. 

Segato kien magħruf li għal snin sħaħ uża injezzjonijiet perikolużi għas-saħħa biex ikabbar il-muskoli u dan minkejja r-riskji ta’ puplesiji u infezzjonijiet li dawn l-injezzjonijiet jistgħu jikkawżaw.  Valdir kien qal li huwa kien ispirat li jsir bodybuilder meta ra lil Arnold Schwarzenegger kif ukoll ispira ruħu minn karattri fittizji bħal The Hulk. Segato kien jgħid li kien iħobb ħafna l-attenzjoni tan-nies meta jarawh b’dawk il-muskoli, u kien determinat li jibqa’ għaddej b’dan ir-ritmu minkejja li kien jaf bil-perikli. Wara mewtu, il-midja lokali tal-Brażil irrapportat li minkejja l-ħafna segwaċi li kellu hu kien jgħix ħajja pjuttust solitarja bi ftit qraba u ħbieb.

Segato kien juża l-kimika magħrufa bħala Synthol biex ikabbar il-muskoli. L-esperti mediċi huma ċari ħafna li użu ta’ kimiċi ta’ dan it-tip huwa perikoluż ħafna hekk kif dan iwassal għal kumplikazzjonijiet tul il-ħajja kollha ta’ dak li jkun. 

Apparti li din il-kimika tbiddel l-istruttura tal-muskoli, din tista’ tikkawża wkoll fibrosis serja ħafna tant li l-muskolu jibda jmut u jkollu jitneħħa b’operazzjoni. Iktar gravi minn hekk dan jista’ jikkawża problemi fin-nervaturi, fl-arterji, attakki tal-qalb, puplesiji u infezzjonijiet. Din il-kimika ma tagħmilx lil dak li jkun iktar b’saħħtu imma hija biss apparenza.

Sport