Thursday, August 13, 2026
Home Sport Il-Joe Compagno Cup tiftaħ staġun ieħor impenjattiv tal-MAFA

Il-Joe Compagno Cup tiftaħ staġun ieħor impenjattiv tal-MAFA

0
2

Senglea Gunners u Marsa St Michael se jiftħu l-istaġun 2026/27 tal-MAFA meta jilagħbu fil-finali tal-Joe Compagno Cup. Din il-partita se ssir nhar is-Sibt 19 ta’ Settembru fil-grawnd ta’ Marsaxlokk u li tradizzjonalment tkun l-ewwel logħba li tintlagħab f’din l-assoċjazzjoni.

Ġimgħa wara, Senglea Gunners se jilagħbu logħba oħra deċiżiva, din id-darba l-finali tat-Twanny Agius Fair Play Cup kontra Naxxar Victorians.

Hekk kif fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet ittellgħu l-poloz tal-kompetizzjonijiet kollha ta’ din l-assoċjazzjoni li għalqet 70 sena mill-operat tagħha, se jkunu 14 it-timijiet li se jikkompetu, sebgħa fl-ewwel diviżjoni u sebgħa oħra fit-tieni diviżjoni.

Valletta St Paul’s, Valletta Stars St Dominic, Attard Edex Kings. Swieqi United AFC, Marsa St Michael, San Ġiljan Saints u Senglea Gunners se jiffurmaw l-ewwel diviżjoni, filwaqt li Balluta Barracudas, Gudja Wanderers, San Ġwann Pro Evolution Academy, Ħamrun Sporting, Naxxar Victorians u t-timijiet ġodda ta’ Sliema NB u Gżira Black Bulls se jkunu qed jilagħbu fit-tieni diviżjoni.

Barra ż-żewġ kampjonati tal-ewwel u t-tieni diviżjoni, se tintlagħab il-kompetizzjoni KO kif ukoll il-MAFA Christmas Cup li se tirritorna wara nuqqas ta’ tmien snin.

F’diskors qasir waqt xandira diretta fuq il-mezzi soċjali, is-segretarju ġenerali tal-MAFA David Abdilla radd ħajr lit-timijiet li kkonfermaw il-parteċipazzjoni tagħhom f’din l-assoċjazzjoni filwaqt li laqa’ ż-żewġ timijiet ġodda. Hu sostna li se jkun staġun ieħor impenjattiv fejn se jintlagħbu aktar minn 110 logħbiet fil-grawnds ta’ Marsaxlokk u ta’ Ħal Qormi.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here