Friday, February 7, 2025

‘Il-kanzunetta Tornerò bidlitli ħajti’ – Mihai Traistariu

Aqra wkoll

Waslet din il-ġimgħa, li jekk forsi għal ftit nies qajla jinteressahom minnha, iżda mbagħad issib oħrajn li kemm jista’ jkun jitkaħħlu mat-televixin, u ara min ilissen imqar l-iċken kelma, biex waqt is-serata naraw il-kanzunetti kollha li waħda minnhom imbagħad ser tiġi magħżula biex tirrappreżenta lil pajjiżna f’Mejju. Minn spettaklu ta’ dwal, strumenti, xeni fl-isfond dejjem aktar isiru kreattivi, għal kostumi u lbiesi sbieħ tal-kompetituri, wieħed ikollu x’jara, jgħaddi l-kummenti u dejjem nagħżlu l-favoriti tagħna.

Imbagħad ħafna minna nkunu qed nistennew il-kantant mistieden li ġeneralment ikun irrappreżenta lil Malta fil-Eurovision fis-snin l-imgħoddija. Dan il-kantant mistieden jista’ wkoll ikun ġej barra minn xtutna u fil-fatt din is-sena fl-ewwel semi finali li sar fl-MFCC f’Ta’ Qali tela’ fuq il-palk il-kantant Mihai, li kien irrappreżenta lir-Rumanija fil-Eurovision tas-sena 2006 li kien sar f’Ateni fil-Greċja, b’diska li kienet intlaqtet tajjeb ħafna Tornerò, u li biha kien klassifika fir-raba’ post b’172 punt. Din l-avventura tant għoġbitu lil Mihai li ħa sehem fil-festival bit-tama li jerġa’ jirrappreżenta lil pajjiżu għal erba’ darbiet oħra.

Mihai ta spettaklu mhux biss lill-udjenza imma wkoll kull min kien qed isegwi din is-serata minn fuq it-televiżjoni permezz tal-kanzunetti li hu kanta. Aħna tkellimna wkoll mal-kantant Mihai u xtaqna nkunu nafu ftit dwar l-esperjenza tiegħu. Hu qalilna li beda jkanta meta kellu biss seba’ snin, wara “li l-ġenituri tiegħi xtrawli pjanu u bdejt nieħu l-lezzjonijiet tal-pjanu mill-ewwel.

Għal tmien snin bqajt nistudja l-pjanu, imbagħad bdejt anke nieħu lezzjonijiet tal-kant ta’ 17-il sena wara li ġejt ispirat minn Mariah Carey meta kont smajtha tkanta fuq ir-radju.” Fil-fatt Mihai hu fanatiku kbir tal-kantanta Mariah Carey u jsegwiha ħafna, u jiftakar kif kien sema l-ewwel darba l-kanzunetta tagħha Without You u mill-ewwel interessa ruħu fiha għax il-vuċi tiegħu kienet saħħritu.

Huwa jgħid li l-kanzunetta Tornerò bidlitlu ħajtu għax wara li kien tela’ jkanta fil-Eurovision beda jivvjaġġa ħafna u “eżempju s-sena l-oħra f’Novembru, kont mort il-Ġermanja biex inkanta fil-Eurovision Fan Club, u issa ninsab f’Malta għax kantajt fl-ewwel semi-finali ta’ dan il-konkors, u f’Mejju ser inkanta fi Spanja f’Malaga wkoll fil-Eurovision Fan Club”.

“Għalhekk jien nivvjaġġa ħafna u wara 19-il sena għadni nivvjaġġa f’ħafna pajjiżi għax din il-kanzunetta bidlitli ħajti, anke jekk ma kontx irbaħt biha. Dan iħajjarni biex nibqa’ nipprova nieħu sehem fil-Eurovision, forsi s-sena d-dieħla, imma naf li jrid ikolli kanzunetta tajba li biha nkun nista’ nirrappreżenta lil pajjiżi.”

Ladarba issa qiegħed f’Malta staqsejna wkoll kif inhi l-esperjenza tiegħu hawnhekk u qalilna li Malta għoġbitu ħafna, u “fil-fatt għadni kif għedt lil sħabi li xi darba niġi ngħix Malta għalkollox għax sirt inħobbha wisq lil Malta, u anke lill-Maltin li huma fanatiċi kbar tal-kanzunetta tiegħi Tornerò, u s-sena l-oħra wkoll kont qed inkanta f’Eurovision party u n-nies bdew jgħajtuli għax togħġobhom ħafna din il-kanzunetta. Hawn Malta ġejt inkanta madwar 15-il darba. Għalhekk naħseb li jħobbuni hawnhekk u nħossni milqugħ ħafna.”

Huwa wkoll wera x-xewqa tiegħu li jieħu sehem fil-konkors tal-Eurovision hawn Malta, anke jekk forsi jikkomponi xi ħaġa jew jagħmel dwett mal-kantanta Claudia Faniello, jew xi kantanti oħra. Huwa nsista fuq il-punt kemm iħobb lil Malta għax hawnhekk hawn ħafna Maltin li jħobbu l-Eurovision, u kif il-mużika qed tinbidel kull darba, għax kif qal hu “meta tikkumpara l-mużika ma’ għoxrin sena ilu tista’ tara d-differenza, anke l-Eurovision huwa wisq differenti; biżżejjed issemmi l-grafiċi, il-palk, id-disinn, l-ispettaklu, il-ħoss tal-kanzunetti. Iva nemmen li l-mużika u l-Eurovision qed dejjem jinbidlu u qed jinbidlu b’mod tajjeb.”

Staqsejna wkoll kif qed iħares lejn il-karriera tiegħu fil-futur u qalilna li fil-futur qarib huwa ser iniedi tliet albums differenti, “wieħed ser ikun tal-Milied, u t-tnejn l-oħra b’kanzunetti pop. Qed nipprepara wkoll għoxrin kanzunetta oħra għall-Eurovision li nirrekordja fl-istudju tiegħi stess. Dan nagħmlu billi nsemma’ lill-fans tiegħi l-kanzunetti mbagħad jagħżlu bejniethom liema hi l-aħjar kanzunetta. U din is-sena ser inkun qed nagħmel hekk ukoll sakemm nagħżlu kanzunetta li possibilment tirbaħ u nitla’ nirrappreżenta lil pajjiżi, ir-Rumanija, jekk mhux ir-Rumanija, nagħżel pajjiż ieħor, bħal Malta, Svezja, Azerbajġan jew anke San Marino, imma sena oħra rrid immur il-Eurovision.”

Xtaqna wkoll minn Mihai messaġġ għal dawk il-kantanti li jixtiequ jieħdu sehem fil-Eurovision u li l-ħolma tagħhom hi li jirrappreżentaw lil Malta u qal li “trid tibqa’ tipprova, jista’ jkun X-Factor, Got Talent, The Voice, xi darba x-xemx żgur tidħaklek u tagħmel suċċess. Jiena ħadt sehem għal ħdax-il darba, għax pruvajt sitt darbiet qabel Tornerò, u anke erba’ darbiet wara, allura ibqa’ prova għax xi darba s-suċċess ser jasal.”

Fuq kollox nawguraw lill-kantanti kollha għall-finali li ser isir nhar is-Sibt biex tintgħażel il-kanzunetti li ser tirrappreżentana, biex jieħdu gost u jieħdu li jistgħu minn din l-esperjenza.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport