“Il-kategorizzazzjoni tal-bdiewa ġiet stabbilita b’għan ċar u importanti li jiġu identifikati, b’mod trasparenti u oġġettiv, il-bdiewa attivi u ġenwini, sabiex il-politika agrikola u l-iskemi ta’ appoġġ ikunu jistgħu jiġu mfassla u mmirati b’mod aktar effettiv lejn dawk li verament jaħdmu fis-settur”
Dan qalu il-Ministru responsabbli mill-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel Anton Refalo f’intervista ma’ dan il-ġurnal. Il-Ministru Refalo iddikjara dan, hekk kif l-Għaqda Bdiewa Attivi, għaqda li tippromovi l-parteċipazzjoni ta’ bdiewa attivi fuq livell reġjonali qed issostni li l-kategorizzazzjoni tal-bdiewa għandha tgħin biex jiġu identifikati u megħjuna l-bdiewa ġenwini, iżda skonthom il-metodoloġija li qed tintuża llum qed tqajjem diversi diffikultajiet fis-settur.
Dwar dan, il-Ministru responsabbli minn dan is-settur spjegalna li naturalment, wieħed irid jifhem li l-introduzzjoni ta’ kwalunkwe sistema ġdida tista’ toħloq ċerti diffikultajiet fl-ewwel stadji tal-implimentazzjoni u tqajjem mistoqsijiet jew tħassib fost dawk affettwati.
Hawnhekk, il-Ministru Refalo żied jgħid; “Għalhekk, matul dawn l-aħħar xhur komplejna nisimgħu lill-bdiewa u lis-settur, niddiskutu mal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi u nevalwaw il-feedback li rċevejna, sabiex fejn ikun ġustifikat isiru l-aġġustamenti meħtieġa”.
Dwar is-settur agrikolu, il-Ministru Refalo irrimarka li ta’ min ifakkar ukoll li r-riformi li jaffettwaw is-settur agrikolu jiġu diskussi mal-partijiet interessati u mar-rappreżentanti tas-settur fi ħdan il-Kunsill Konsultattiv dwar l-Agrikoltura. Qal li dan il-proċess ta’ konsultazzjoni huwa importanti biex jiġi żgurat li l-politika tkun ibbażata kemm fuq objettivi ċari kif ukoll fuq ir-realtajiet u l-isfidi li jħabbat wiċċu magħhom is-settur.
“F’dan il-kuntest, l-emendi li saru reċentement permezz tal-Avviż Legali 205 tal-2026, li permezz tagħhom ġew indirizzati d-diffikultajiet li ġew identifikati matul l-ewwel xhur tal-implimentazzjoni, juru b’mod ċar li l-Gvern huwa impenjat li jisma’, jevalwa u, fejn meħtieġ, itejjeb is-sistema. L-għan jibqa’ li jkollna sistema kemm jista’ jkun ġusta, trasparenti u effettiva, li tirrifletti r-realtajiet tas-settur u fl-istess ħin tiżgura li l-appoġġ pubbliku jkun immirat lejn dawk li verament jeħtieġuh u jikkontribwixxu għall-attività agrikola”, żied jgħid il-Ministru Refalo.
Matul din l-intervista, il-Ministru elenka dwar il-futur tal-agrikoltura Maltija. Dwar dan, huwa beda biex qal li l-futur tal-agrikoltura Maltija jiddependi fuq il-kapaċità tal-Gvern li jkompli jagħtu appoġġ lill-bdiewa tal-lum filwaqt li nattiraw ġenerazzjoni ġdida ta’ operaturi agrikoli.
Żied jgħid; “Għalhekk, se nkomplu naħdmu fuq inizjattivi li jsaħħu l-vijabbiltà tal-irziezet, itejbu l-aċċess għall-art, l-ilma u l-investiment, u joħolqu aktar opportunitajiet ta’ taħriġ, innovazzjoni u modernizzazzjoni”
Il-Ministru Refalo tenna li; “L-impenn tagħna jibqa’ li nibnu settur agrikolu b’saħħtu, modern u reżiljenti, li jirrifletti r-realtajiet tal-bdiewa tagħna, jappoġġja lil dawk li verament jaħdmu fis-settur u jkun kapaċi jwieġeb għall-isfidi tal-ġejjieni, filwaqt li jiżgura li l-agrikoltura Maltija tkompli tiġi mgħoddija b’saħħitha lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin”
