Wednesday, April 24, 2024

Il-każ dwar il-mewt ta’ priġuniera… il-Prosekuzzjoni tagħlaq il-provi tagħha kontra ż-żewġ uffiċjali korrettivi

Aqra wkoll

Il-Prosekuzzjoni għalqet il-provi tagħha kontra ż-żewġ uffiċjali korrettivi li jinsabu mixlija bi traskuraġni li wasslet għall-mewt tal-priġuniera Kimberly Borg Nicholas Virtu.

L-uffiċjali korrettivi, li bħalissa jinsabu sospiżi minn xogħolhom, huma Annabelle Cauchi ta’ 51 sena u Alison Vassallo ta’ 41 sena li qed jiċħdu l-akkużi miġjuba kontra tagħhom.

Kim Borg kienet instabet mitlufa minn sensieha fiċ-ċella tagħha nhar is-16 ta’ Ġunju li għadda wara attentat ta’ suwiċidju u tilfet ħajjitha fl-4 ta’ Lulju fl-Isptar Mater Dei. Inkjesta maġisterjali li nfetħet dwar dan il-każ kienet sabet nuqqasijiet fil-konfront taż-żewġ uffiċjali korrettivi. 

Fis-seduta tal-lum, il-Prosekuzzjoni informat lill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo li kienet għalqet il-provi tagħha peress li x-xhieda kollha kienet xehdu fl-atti tal-inkjesta.

Sussegwentement il-kawża ġiet differita għas-17 ta’ Mejju li ġej fejn dakinhar id-Difiża mistennija tressaq il-provi tagħha. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Paul Camilleri u Christine Delia mentri l-Avukati Herman Mula u Mario Mifsud dehru għaż-żewġ imputati. L-Avukati Rachel Tua u Edmond Cuschieri dehru parte civile għall-familjari tal-vittma.

Sport