Tuesday, April 23, 2024

Djokovic jistqarr li kiser ir-regoli tal-Covid-19 waqt li kien pożittiv

Aqra wkoll

It-tennista Serb, Novak Djokovic, ammetta li kien hemm żbalji fil-formoli tal-immigrazzjoni tiegħu u li ltaqa’ ma’ ġurnalist minkejja li kien pożittiv għall-Covid-19, hekk kif il-Gvern Awstraljan qed jikkunsidra biex jiddeportah.

Djokovic għamel l-ammissjonijiet f’post fuq Instagram biex jiċċara “informazzjoni ħażina kontinwa” dwar il-movimenti tiegħu.

It-tennista numru wieħed tad-dinja qed jittama li jilgħab fl-Australian Open li se jingħata bidu nhar it-Tnejn li ġej. 

Iżda l-parteċipazzjoni tiegħu ġiet mhedda minħabba l-viża.  

Djokovic, li għadu mhux imlaqqam, kellu l-viża revokata, fis-6 ta’ Jannar li għadda, ftit wara li wasal l-Awstralja fost mistoqsijiet dwar l-eżenzjoni tat-tilqim li kienet tippermettilu permess biex jidħol fil-pajjiż.

Iżda nhar it-Tnejn li għadda, imħallef qaleb b’mod drammatiku d-deċiżjoni u ordna l-ħelsien tal-player mid-detenzjoni.

Iżda l-gvern ma eskludix aktar azzjoni – u tibqa’ l-possibbiltà li l-ministru tal-immigrazzjoni tal-pajjiż jista’ jikkanċella l-viża tiegħu għat-tieni darba ftit jiem biss qabel jibda t-tournament.

Alex Hawke jista’ jikkanċella l-viża abbażi ta’ infezzjonijiet preċedenti tal-Covid-19 li ma jgħoddux bħala eżenzjoni. Iżda l-viża ta‘ Djokovic tista’ wkoll tiġi kkanċellata għal “raġunijiet ta’ karattru” ibbażata fuq investigazzjoni dwar il-forma tal-wasla tiegħu u ksur potenzjali tar-regoli tal-Covid-19 tas-Serbja.

Jekk Djokovic jirbaħ l-Australian Open,  jiġifieri l-21 grand slam tiegħu, isir l-aktar tennista maskili fl-istorja li għamel dan.

Fil-post tiegħu fuq Instagram, Djokovic qal li għamel l-intervista mal-magazine Franċiż L’Equipe, minħabba li ma riedx jiddiżappunta lill-ġurnalist wara li kienu ftehmu fuqha jiem aktar qabel. 

“Waqt l-intervista jien kont liebes maskra u kont ukoll iddistanzjat mill-ġurnalist. Inżajt il-maskra biss meta ttieħed ritratt tiegħi,” huwa qal. 

L’Equipe kkonfermaw f’artiklu li l-istilla tat-tennis kien liebes  il-maskra l-ħin kollu, anke meta l-ġurnalist tagħhom talbu jneħħiha għal ħames minuti.

Il-ġurnalist, Franck Ramella, sostna li qallu biex ma jistaqsix lil Djokovic dwar l-istat tat-tilqim tiegħu jew dwar l-Australian Open li ġej u għaldaqstantx ma staqsiehx jekk kienx qed jikkunsidra li jagħmel it-test. 

“Anke jekk staqsejna … x’inhu l-punt?” kiteb is-Sur Ramella.

Barra minn hekk, Djokovic ammetta wkoll li għamel dikjarazzjoni falza fuq il-formola tal-ivvjaġġar tiegħu qabel ma daħal fl-Awstralja u qal li t-team tiegħu pprovda informazzjoni addizzjonali lill-awtoritajiet.

Huwa qal li l-aġent tiegħu kien għamel żball meta mela taqsima tal-formola li kopriet l-istorja riċenti tal-ivvjaġġar tiegħu. Il-formola kienet tgħid li ma ivvjaġġax fl-14-il jum qabel il-wasla tiegħu fl-Awstralja.

Iżda rapporti riċenti jissuġġerixxu li s-Serb ta’ 34 sena kien ivvjaġġa lejn is-Serbja u mbagħad lejn Spanja qabel il-vjaġġ.

“L-aġent tiegħi sinċerament jiskuża ruħu għall-iżball amministrattiv meta mmarka l-kaxxa żbaljata,” kiteb. “Dan kien żball uman u ċertament mhux intenzjonat.”

Huwa ċaħad ukoll li attenda għal żewġ avvenimenti – it-tnedija tal-”bolla” ta’ Djokovic u ċerimonja ta’ premjijiet li għaliha attendew tfal – waqt li kien pożittiva għall-Covid-19.

Huwa kiteb fuq Instagram li kien għamel test tal-PCR, fis-16 ta’ Diċembru, wara li attenda logħba tal-basketball jumejn qabel, fejn numru ta’ nies wara rriżultaw pożittivi.

Djokovic tenna li kien għamel test rapidu tal-antiġen qabel ma attenda ż-żewġ avvenimenti u ġie nnotifikat biss li l-PCR tiegħu kien pożittiv wara li attenda għaċ-ċerimonja tal-premjijiet fis-17 ta’ Diċembru.

Il-Forza tal-Fruntiera tal-Awstralja, l-uffiċjali tal-immigrazzjoni tan-nazzjon, qalu li kienu qed jinvestigaw jekk kienx għamel “dikjarazzjoni falza” – li tkun raġuni għal kanċellazzjoni tal-viża.

Sadanittant, Tennis Australia talbu għal aktar ċarezza tar-regoli biex wieħed ikun jista’ jidħol fl-Awstralja u ħeġġeġ lill-players biex jitlaqqmu.

Sport